L-20 sena ta’ Imsallab fi Triqatna f’Għawdex

L-Għaqda Dilettanti Ġimgha l-Kbira (Għawdex) b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u  Oratorju Don Bosco sejra ttella’ d-dramm tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu magħrufa bl-isem “Imsallab fi Triqatna” fit-28 ta’ Marzu 2020. Dan id-dramm issa ilu jittella’ madwar it-triqat tal-Belt Victoria, Għawdex sa mis-sena 2000 u infatti, din hija l-20 sena li ser jittella’ l-istess dramm.

Dan id-dramm beda dejjem jikber fil-popolarità tiegħu fil-gżejjer Għawdxin tant li fis-snin li għaddew, id-dramm ittella’ wkoll mill-Għaqda Dilettanti Ġimgħa l-Kbira (Għawdex) anke f’lokalitajiet diversi f’Malta fosthom fil-Belt Valletta, fĦal-Qormi, Marsaskala, Mtarfa u l-Imqabba.

L-originalità ta’ dan id-dramm huwa li l-pubbliku jkun jista’ jsegwi episodji saljenti mill-Passjoni u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu filwaqt li jħoss li huwa wkoll parti minn dak li jkun qed jiġri madwaru. Infatt l-atturi lkoll jagħmlu l-parti tagħhom fost il-pubbliku biex b’hekk il-pubbliku jkun qed jipparteċipa wkoll f’dan id-dramm bhħla l-folla ta’ nies li kienu dejjem jsegwu lil Ġesù Kristu kull fejn kien imur.

Id-dramm jibda nhar it-28 ta’ Marzu 2020 fis-7.30 pm minn Pjazza Sant’ Wistin fejn issir ix-xena tad- Daħla ta’ Ġesù Kristu f’Ġerusalem. Hawnhekk, il-pubbliku jkun jista’ jsegwi d-dħul trijonfali ta’ Ġesù Kristu ġewwa Ġerusalem fejn gie milqugħ minn diversi tfal u nies oħra bi żfin u tixjir ta’ palm .

Id-dramm jibqa’ sejjer għall-parti oħra minn Pjazza Sant’ Wistin fejn ser tittella’ x-xena tas-Samaritana ħdejn il-bir. Issegwi x-xena tal-mara midinba fil-Pjazzetta Patri Akkursju Xerri. Imbagħad, fi Triq Vajringa, preċiżament quddiem l-iskola primarja tal-Belt Victoria, Għawdex isseħħ ix-xena tat-Tempju fejn Ġesù jirrabbja mal-bejjiegħa tat-tempju xħin jara li t-tempju ta’ missieru ġie konvertit f’suq. Fl-istess post, il-pubbliku jiltaqa’ mal-appostlu Ġuda l-Iskarjota u Malku qaddej tal-Qassissin il-Kbar Lhud li flimkien jiftehmu dwar kif Ġuda kien ser jittradixxi lil Ġesù.

Id-dramm ikompli fi Pjazza San Franġisk fejn tittella’ l-Aħħar Ċena u mbagħad matul Strada Palma, il-pubbliku jkun jista’ jsegwi lil Ġesù jitlob fil-Ġnien tal-Getsemani kif ukoll jara lil Ġesù maqbud mis-suldati Lhud wara l-bewsa tal-Appostlu tiegħu Ġuda l-Iskarjota.

Matul Triq ir-Repubblika, id-dramm jissokta b’diversi xeni fosthom dik tal-akkużi miġjuba kontra Ġesù quddiem il-Qassissin il-Kbar Lhud u l-akkużi miġjuba quddiem Ponzju Pilatu. Il-pubbliku jiltaqa’ wkoll mar-Re Erodi u ż-żeffiena tiegħu kif ukoll isegwi lil Ġesù Kristu jiġi msawwat u flaġġellat sakemm finalment jiġi kkundannat għall-mewt u mgħobbi bis-Salib. Id-dramm ikompli b’Ġesù jibqa’ miexi għal ġo Pjazza Repubblika fejn jaqa’ għal 3 darbiet bit-toqol tas-salib u jiltaqa’ ma’ ommu Marija, mal-Veronika, u ma’ nisa oħra. Matul it-Triq, il-pubbliku jara wkoll lil Xmun iċ-Ċirinew li jitgħabba bis-salib flimkien ma’ Ġesù.

Il-climax tad-dramm iseħħ fit-telgħa taċ-Ċitadella fejn Ġesù jiġi msallab flimkien ma’ żewġ ħallelin oħra. Ikun hemm xena ta’ qsim il-qalb meta omm Ġesù tara u żżomm fi ħdanha l-ġisem mejjet ta’ Ġesù Kristu. Id-dramm ikompli bid-difna ta’ Ġesù Kristu li sseħħ fi Pjazza Repubblika sakemm imbagħad it-tmiem tad-dramm jiġi raffigurata fl-Irxoxt.

Dan id-dramm ċertament sar avveniment importanti fil-kalendarju tal-attivitajiet kulturali Għawdxin relatati mal-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Irxoxt. Ċertament mhuwiex ta’ min jitilfu. Dan id-dramm huwa bla ħlas.