L-1000 ħarġa tar-Rivista “Il-Ħajja f’Għawdex”

Il-Ħajja f'Għawdex

Dawn il-ġranet ġiet f’idejja l-Elf Ħarġa tar-rivista maħruġa mid-Djoċesi Għawdxija ‘Il-Ħajja f’Għawdex’ li kienet rat id-dawl tal-istampa bl-inizjattiva ta’ Patri Accursio Xerri, Għawdxi erudit, poeta u oratur.  Lapida tiegħu nsibuha fi pjazzetta msemmija għalih mħux bogħod mill-iskola primarja tal-Gvern ta’ Victoria.

Qed nikteb din in-nota biex nifraħ lill-Ediitur attwali ta’ din il-pubblikazzjoni mensili, iż-żagħżugħ Francesco Pio Attard mill-Belt Victoria li tant jaħdem b’risq il-ġid tal-Knisja f’Għawdex. Tassew ħareġ bl-unuri kollha u tana veru tifkira sabiħa ta’ din ir-rivista li  jekk smajt sewwa tidħol f’mhux inqas minn 700 familja u nemmen li għandha tilħaq iktar familji li jħobbu l-Knisja fi gżiritna.  Sallum din ir-rivista (għal min forsi għandu l-maġġoranza tal-ħarġiet tagħha) saret enċiklopedija dwar Għawdex u l-Għawdxin għax fiha kitbu u għadhom jiktbu bosta kittieba bravi dwar bosta suġġetti ta’ natura differenti.  Il-kwalita tal-karta  hija tajba ħafna u tinqara b’ħeffa.

Grazzi lil tant persuni li jogħġobhom jirreklamaw għax tassew qed jgħinu lill-istampa t-tajba.  F’dil-ħarġa mill-ġdid insibu għadd ta’ artikli nteressanti u kummenti dwar ir-rivista li l-editur b’paċenzja mhux żgħira rnexxielu jiġbor m’għand diversi kittieba u awturi.  Li toħroġ rivista bħal din kull xahar hija veru biċċa xogħol mhix żgħira u trid tkun veru ddedikat għax mank tkun għadek lestejt minn waħda li ma tridx tibda taħseb fuq li jmiss għax il-ħin jgħaddi bla ma tinduna.

Kif stqarr l-editur stess, tkun għadek kemm wellidt tarbija u ma jkollox iċ-ċans taraha tibda miexja li ma tridx taħseb għat-tarbija li jmiss.  Prosit lil tant edituri li ġew qabel u kittieba li m’għadhomx magħna u fil-fatt,  qabel nagħlaq xtaqt insellem il-memorja tal-kittieb Għawdxi Anton F Attard li kien wieħed mill-kittieba regulari fil-‘Ħajja f’Għawdex’ u li ħalliena dan l-aħħar.  Prosit Francesco Pio u ‘keep it up’!

Il-Mulej jagħraf iħallsek Hu!