L-10 ta’ Frar ta’ San Pawl mhux tal-Karnival

Il-ġurnata tal-lum, l-10 ta' Frar ċertament ma kellhiex tkun tal-Karnival imma ta' San Pawl – kif dejjem kienet.

Il-ġurnata bdiet ħażin għall-ekwipaġġ ta’ 7 persuni fuq il-vapur Hephaestus li għall-ħabta tas-6am nkalja max-xatt il-Qawra, qrib Fra Ben.
Fis-6.30am sewwieq li kien għaddej minn Triq Notabile, l-Imrieħel tilef ħajtu u l-passiġġiera kellha tiddaħħal l-isptar wara li waqgħet siġra fuq il-karozza li kienu fiha.
Intant, mal-lejl numru ta' persuni rrappurtaw li daħlilhom ħafna ilma fid-djar tagħhom fosthom xi sidien ta’ garaxxijiet fi Triq Buontempo Estate fil-wied ta’ Ħal Balzan, li dalgħodu kellhom iċemplu lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għall-għajnuna.

“Don kbir għall-agrikultura”

Joe Sciberras, bidwi li ġie intervistat fil-programm Newsline fuq RTK, qal li t-temp tal-lum kien “don kbir għall-agrikultura”.
Qal li jiddispjċih li x-xita li għamlet kellha taħbat maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival iżda qal li l-bdiewa bbenefikaw ħafna minnha.
Spjega li l-“ħin twil ta’ xita li niżlet bil-galbu” kienet ta’ għajnuna kbira għal-bdiewa u semma l-eżempju ta’ min ħawwel il-patata li f’dawn iż-żminijiet kien se jkollu jsaqqi l-għelieqi minħabba li kienet għadha mamiltx biżżejjed xita qabel illum.

Tbassit tat-temp 
L-uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta qed ibassar li t-temp mistenni jkun imsaħħab bil-possibiltà ta' xi ħalbiet iżolati tax-xita wara nofsinhar.
Dan minħabba firxa ta' arja ta' pressjoni baxxa fuq il-Gżejjer Maltin li riesqa lejn il-Greċja.
L-ogħla temperatura għal-lum mistennija tkun 13˚C filwaqt li l-inqas se tkun 11˚C.
Ir-riħ mistenni jkun mill-Majjistral it-Tramuntana forza 6 li jsir Majjistral forza 7 u jonqos għal forza 5 mal-lejl. Viżibilità moderata għal ħazina f’waqtiet bix-xita.
Avviż mill-Protezzjoni Ċivili
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili avża biex kemm jista jkun jiġi evitat sewqan fit-toroq minħabba l-ammont ta' xita li niżlet f'dawn l-aħħar sigħat.
F’post fuq Facebook, il-Protezzjoni Ċivili appellat biex f’każ li wieħed ma jkunx jista’ jagħmel mod ieħor, is-sewwieqa għandhom isuqu b’kawtela biex jiġu evitati inċidenti fit-toroq.

Ritratt u Filmat: Gozo Weather Page