L-10 ta’ Awwissu kienet ġurnata sewda għall-Insara Dalit, fl-Indja

Il-Konferenza Episkopali Indjana iddikjarat il-ġurnata tal-10 ta' Awwissu bħala “Ġurnata Sewda” u sejħet biex ikunu organizzati dimostrazzjonijiet b'appoġġ u solidarjetà ma' dawk l-Insara u Musulmani Dalits li huma mċaħħda mid-drittijiet mogħtija lill-Ħindu Dalits.
L-Insara fl-Indja isofru diskriminazzjoni doppja. Mhux biss huma ppersegwitati minħabba r-reliġjon tagħhom, imma billi fil-maġġoranza tagħhom huma dixxendenti tad-Dalits – li qabel kienu jitqiesu bħala nies li ma tistax tmisshom (untouchables), illum isofru wkoll fastidju minħabba l-antenati tagħhom.
Fl-Indja l-Insara jammontaw għal madwar 2.3% tal-popolazzjoni, li minnhom 60% ġejjin mid-Dalits.
Fl-10 ta' Awwissu tal-1950, l-ewwel President tal-Indja kien ħareġ Ordni Presidenzjali li tgħid li “kulmin għandu reliġjon li mhix il-Ħindu, għandu jitqies li hu membru ta' Razza Skedata – Dalits”.
Għal din ir-raġuni l-Isqfijiet Kattoliċi ddikjaraw l-10 ta' Awwissu bħala Ġurnata Sewda biex isiru dimostrazzjonijiet u laqgħat b'solidarjetà ma' dawk il-Kattoliċi u Musulmani li huma mċaħħda mid-drittijiet tagħhom minħabba dik id-deċizjoni meħuda 67 sena ilu.
L-Insara kienu mħeġġa mill-Isqfijiet tagħhom biex f'dik il-ġurnata jilbsu distintivi suwed u jġorru posters ta' protesta.
“Din hi kwestjoni ta' ġustizzja. Id-diskriminazzjoni u l-inġustizzja jmorru kontra l-valuri Nsara u allura kulħadd irid ikun involut f'din il-ġlieda u jkun favur dawk li qed ikunu esplojtati u diskriminati” qal l-Isqof Neethinathan Anthonisamy.
Il-Patri Ġizwita AXJ Bosco, li hu l-konsulent nazzjonali tal-Kunsill tal-Insara Dalit qal li l-liġi attwali tinjora realtà tal-ħajja ta' kuljum fl-Indja. “Is-soċjeta' fil-maġġorana tagħha ma tagħmel ebda differenza bejn l-Insara u l-Ħinduisti għax ir-razza u mhux ir-reliġjon huma l-identità ewlenija ta' kull Indjan."
L-Isqfijiet Indjani kellhom laqgħa mal-Kunsill Nazzjonali tal-Knejjes biex jiddiskutu s-sitwazzjoni mwiegħra tal-Insara Dalits li qed jgħixu wkoll fil-faqar u m'għandhomx opportunitajiet ta' xogħol u ta' edukazzjoni.