L-10 kelmiet li l-aktar spikkaw fl-aħħar 10 snin

Matul iż-żmien, il-vokabolarju Malti dejjem ikompli jiżviluppa, jinbidel u jikber. Permezz ta’ artiklu fuq is-sit Kelma Kelma, li jiffoka b’mod partikolari fuq il-lingwa Maltija, Michael Spagnol ta ħarsa lejn l-10 kelmiet li spikkaw l-aktar fit-tieni deċenju tas-seklu. Hu spjega li filwaqt li wħud minn dan il-kliem kien ilu jeżisti għal snin twal, beda jintuża aktar ta’ spiss bejn l-2010 u l-2019.

Mazza

Skont Spagnol, il-kelma ‘mazza’ qabel l-2010 kienet biss martell kbir li jintuża mill-ħaddieda, il-mastrudaxxi u l-bennejja. Iżda b’xi mod, din il-kelma bdiet tintuża bħala aġġettiv għal xi ħadd gustuż u attraenti, “xi ħadd li l-wires iġibhomlok għoqda”.

Tal-blieh

Spagnol spjega li kull ġenerazzjoni jkollha kelma għal xi ħaġa eċċezzjonali, ta’ barra minn hawn. Is-seklu l-ieħor kellna faqgħa, tal-lajf, tal-ġenn, bomba u bis-sens. Qal li dan l-aħħar spikkat il-kelma ‘tal-blieh’. Jidher li din l-espressjoni hija waħda kurjuża għax, għalkemm ta’ nisel Għarbi, mhi mniżżla fl-ebda dizzjunarju. Din inħolqot miż-żgħażagħ, “li fl-aħħar deċennju aktarx kienu jagħmlu mal-kategorija tal-hipsters, il-perfs jew tal-1k.”

Stessu

F’Diċembru 2013 fuq Kelma Kelma tela’ ritratt bid-definizzjoni tal-kelma u minn hemm bdiet stessu. Id-definizzjoni kienet tgħid li stessu tfisser: “Meta tħares fil-mera u tant tħossok mazza li ma jkollokx għażla oħra ħlief li taqbad il-mobile, tiġbed ritratt tiegħek stess, jekk jista’ jkun b’xufftejk ippuppati jew bi lsienek barra, u taqsam dak il-ġmiel ma’ sħabek kollha ta’ facebook, twitter u instagram”.

Meme

Spagnol qal li dan kien id-deċennju tal-memes, stampi, filmati jew GIFs tad-daħk li jikkupjawhom bosta nies, b’xi bidliet żgħar, u f’kemm ili ngħidlek iduru mal-erbat irjieħ tal-internet. Mal-memes ħafna drabi jkun hemm xi hashtag, jiġifieri kelma jew frażi bis-simbolu kaxxa (#) fuq quddiem. Tintuża fuq twitter biex torbot il-messaġġi ma’ tema partikolari u fuq instagram.

Piżellu

Sapgnol qal li biex ngħajru lil xi ħadd spiss ninqdew bil-frott u l-ħxejjex:

Ja basla!
X’inti tronġa!
Ara veru qargħa!
Kemm hu ġidra!
Moħħ ta’ karawetta!

Lejn nofs id-deċennju, bis-saħħa ta’ Emmy Bezzina, żdiedu l-piżelli. Biex ma nsemmux il-basal immarinat fil-ħmieġ tal-ġrieden!

Karrotti

Intant spjega li l-aħħar għaxar snin ikkaratterizzati minn taqlib politiku li miegħu ġab skoss kliem bħal moviment, tagħna lkoll, l-aqwa żmien, tkaxkira, protesta, riżenja, fake news, box files, arloġġ (tal-lira u tad-deheb abjad), elezzjoni bikrija, u xebgħa kliem bil-k: kummissarju, kont sigriet, karozza bomba, keith, kasco, konrad, il-kink, kastilja, korruzzjoni u korrotti. “Anzi, skont filmat li armajn sar meme, karrotti.”

Salott

Spagnol qal li dil-kelma ilha magħna. Imma kien fid-deċennju li għadda li saret tfisser paġna li fiha tidħol tiżvoga għax il-ġar ipparkja quddiemek, għax ilek kwarta maqbud fit-traffiku, għax reġa’ nqata’ d-dawl, għax sibt xagħra fil-pumpkin soup, għax il-kelb għatas darbtejn, jew sempliċement għax m’għandekx ħila tidħol fis-sit tal-Lidl biex tara llum jiftaħx!

Bro

Il-kelma li wieħed jirreferi għal xi ħabib tiegħu biha inbidlet matul is-snin. Spagnol spjega li fit-Tmeninijiet l-irġiel kienu jilqgħu lil xulxin b’aw ras. Imbagħad fid-Disgħinijiet saret aw man. Fiż-Żerojiet saret aw kink. U fl-Għaxriet inbidlet għal aw bro. “Kif qed insemmu t-tislim tad-deċennju, ikun sakrileġġ jekk inħallu barra aw oħt u aw lilly!”

Influencer

Minkejja li bil-Malti l-kelma hija influwenzatur jew influwenzatriċi din ġeneralment jgħiduha bl-Ingliż. Spagnol qal li dan sabiex il-fatt li jqattgħu l-ġurnata jippożaw mat-toast bl-avocado u l-ismoothie bl-ispirulina jinħass ferm aktar importanti u influwenti.

Quinoa

Spagnol qal li dawn kienu l-għaxar snin tal-ikel hipster u l-hekk imsejħa superfoods. Tal-kale, il-goji berries, il-matcha, iċ-chia pudding, il-green tea, il-flax seeds, il-wheat grass, l-isprouts u l-quinoa, li ħadd għadu ma jaf kif jaqbad ilissinha. Qal li kollox sar organiku, jekk jista’ jkun bla glutina u vegan.