L-10 anniversarju mill-mewt ta’ Patrick Swayze

Kien fl-14 ta’ Settembru ta’ 10 snin ilu li miet l-attur Patrick Swayze li kien magħruf l-aktar għall-interpretazzjoni tiegħu fil-film Dirty Dancing tal-1987. Wieħed ma jistax ma jsemmix films oħra ta’ suċċess li kellu fosthom Ghost (1990) ma’ Demi Moore u Whoppi Goldberg, kif ukoll To Wong Foo, Thanks for Everything, Julie Newmar (1995).

Swayze kien ukoll kiteb u rrekordja l-kanzunetta She’s Like the Wind li kienet inkluża fis-soundtrack ta’ Dirty Dancing.

L-attur miet fl-età ta’ 57 sena wara li kien ilu 20 xahar jiġġieled il-kanċer fil-frixa. Fl-aħħar xhur, meta l-piż tiegħu kien niżel sew, l-attur kien rappurtat li kien qed ipejjep xejn inqas minn 60 sigarett kuljum.

Fit-18 ta’ Awwissu, proprju l-jum li kieku fih kien jagħlaq 67 sena, l-istazzjon Amerikan Paramount fakkar lil dan l-attur b’dokumentarju tassew speċjali, I Am Patrick Swayze, bis-sehem ta’ bosta atturi ħbieb tiegħu bħal Demi Moore, Sam Elliott, Jennifer Grey u Rob Lowe, kif ukoll tal-armla tiegħu Lisa Niemi. L-istess dokumentarju tefa’ wkoll dawl fuq il-ħajja personali tiegħu, fosthom il-fatt li kien ukoll alkoħoliku.

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu Swayze kien jagħmel ħafna xogħol ma’ għaqdiet ta’ benefiċenza biex jgħinu nies li bħalu kellhom il-kanċer fil-frixa. Mhux biss, iżda anki wara mewtu, kull sena martu tieħu ħsieb li jittella’ rkant b’affarijiet personali tal-attur biex il-flus miġbura jmorru għal għaqdiet li l-iskop tagħhom huwa li jgħinu nies li għandhom l-istess tip ta’ kanċer li bih miet l-attur.