“L-007 li jmiss għandha tkun mara” – eks 007

Pierce Brosnan, li għal erba’ darbiet ħadem il-parti ta’ 007, issa ħareġ jgħid li l-007 li jmis wara li Daniel Craig jieqaf minn din il-parti, għandha tkun mara. Huwa tal-fehma li 007 mara tkun eċċitanti biex taraha.

L-attur ta’ 66 sena f’intervista lil Hollywood Reporter qal li għal dawn l-aħħar 40 sena rajna raġel bħala 007. “Ma Taħsbux li rajna biżżejjed irġiel u li issa jmiss li naraw mara? L-irġiel għandhom jitilqu minn nofs u jħallu mara tidħol,” sostna Pierce Brosnan li deher f’erba’ films ta’ James Bond: Goldeneye, Die Another Day, Tomorrow Never Dies u The World Is Not Enough li nħadmu bejn l-1995 u s-sena 2002.

Iżda fl-istess waqt Pierce Brosnan ma jemminx li din il-bidla fis-sess ta’ 007 se ssir dment li l-films ta’ 007 jibqgħu jsiru mill-produtturi tal-films tagħhom ta’ bħalissa.

Dan iż-żmien qed jinġibed il-film il-ġdid ta’ 007 No Time to Die li fil-parti prinċipali jidher Daniel Craig, il-ħames dehra għalih fil-parti tal-aġent sigriet Ingliż li ngħata l-ħajja mill-kittieb Ingliż Ian Fleming fis-snin 50. Se tkun qed tidher ukoll għall-ewwel darba Lashana Lynch f’parti ta’ 007, iżda mhux magħruf jekk din hux se tkun is-sostitut taż Craig għall-films ta’ wara.

AQRA: James bond fl-ewwel ritratt ma’ 007 mara

L-attriċi Rachel Weisz, li hi miżżewġa lil Craig, ma temminx li 007 għandha tkun mara “għaliex in-nisa jixirqilhom stejjer għalihom u mhux dawk li qabel kienu jinterpretawhom l-irġiel.”