Kwizz Kwarantina fl-Imtarfa

Unsplash

Kull nhar ta’ Tlieta filgħodu l-parruċċani tal-Imtarfa qegħdin jistennew il-Kappillan iħabbar il-mistoqsijia tal-Kwizz Kwarantina. Din hi l-inizjattiva tal-Parroċċa tal-Imtarfa f’dan iż-żmien partikulari li qegħdin fih, żmien li fih qegħdin inkunu ħafna ħin fi ‘kwarantina’.

Din hi diġà t-tieni ġimgħa li permezz tal-paġna ta’ Facebook tal-Parroċċa, il-Kappillan, Dun Renè Vella jipproponi speċi ta’ ħaġa moħġaġa ‘reliġjuża’ permezz ta’ filmati qosra li hu stess itella’.

“Jien ma nużax Facebook, lanqas għandi wieħed tiegħi, nuża l-paġna tal-parroċċa” qal Dun Renè ma’ Newsbook.com.mt, “imma xtaqt inkun viċin in-nies b’dan il-mod sempliċi u nissoċjalizzaw flimkien”, temm jgħidlna.

Kif taħdem?

Nhar ta’ Tlieta filgħodu jittella’ l-ewwel filmat fejn tiġi preżentata l-ħaġa moħġaġa. Min isegwi l-paġna jiġi mistieden iwieġeb il-mistoqsijia li jagħmel il-kappillan permezz ta’ kummenti fuq l-istess post. Ir-risposta tingħata l-Ġimgħa f’nofsinhar permezz ta’ video ieħor li apparti t-tweġiba tingħata spjega żgħira tagħha.

X’tirbaħ?

Meta saqsejna lil Dun Renè, qabad jidħaq u qalilna “Xejn xejn! L-iskop hu li l-parroċċa tibqa’ żżomm kuntatt mal-familji, ukoll jekk b’mod leġġer”.

“L-idea hi li kemm min jaqtagħha u anki min ma jaqtagħhiex, ikun tal-anqas ipparteċipa, ħabbel ftit moħħu, forsi wkoll tgħallem xi ħaġa ġdida, u ħoloq kuntatt mal-oħrajn – ukoll jekk mhux b’mod daqshekk dirett” saħaq Dun Rene.

Segwi l-Kwizz Kwarantina hawn.