Kwistjoni infermiera: L-MUMN thedded b’azzjonijiet industrijali

Read in English.

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) infurmat lill-membri tagħha li l-azzjonijiet industrijali jistgħu jibdew minn ħin għal ħin minħabba l-kwistjoni tal-ikel tal-infermiera u l-formoli tal-SLP.

L-MUMN spjegat li d-Diviżjoni ppreżentatilha abbozz ta’ proposta, li hi qisitha kompletament kontra l-infermiera fis-swali, peress li d-Diviżjoni ma kkommettietx ruħha għal carers żejda. Qalet li din il-proposta ma tikkunsidrax il-ħinijiet tal-brejk, in-nuqqas ta’ impjegati u kwistjonijiet oħrajn.

Lill-infermiera l-Unjin qaltilhom li d-Diviżjoni tas-Saħħa għadha qed tkaxkar saqajha minkejja li suppost intlaħaq qbil fuq il-meal allowances. Dan il-ftehim kellu jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar tal-2020, u l-Unjin qalet li qed tispiċċalha l-paċenzja.

Rigward il-formoli tal-Ispeech Language Pathologists u tal-Fiżjoterapija, l-MUMN qalet li d-Diviżjoni qiegħda titfa’ r-responsabbiltà kollha fuq l-infermiera filwaqt li l-SLPs m’għandhomx responsabbiltajiet u jordnaw lill-infermiera jagħmlu s-superviżjoni li jidhrilhom huma. Akkużat lid-Diviżjoni li tippretendi li l-infermiera jagħmlu siegħa ta’ superviżjoni tul il-jum u kwarta superviżjoni billejl mingħajr carers oħrajn.

L-MUMN tat ċans lid-Diviżjoni tas-Saħħa sal-21 ta’ Frar biex temenda xi proposti tagħha, għaliex inkella jinħarġu d-direttivi fl-entitajiet governattivi kollha.