Kważi nofs miljun persuna applikaw għall-ażil fl-Ewropa fl-2013

Fl-2013, il-persuni li applikaw għall-ażil kienu jammontaw għal 435,760.
Dan huwa l-ikbar numru ta’ persuni li riedu l-ażil minn meta l-Unjoni Ewropea bdiet tiġbor l-informazzjoni sitt snin ilu u żieda ta’ 30% fuq is-sena ta’ qabel.
Dan jirriżulta mir-rapport annwali li ġie ppubblikat mill-Uffiċċju Ewropew għall-Ażil, l-EASO.
L-ikbar ammont ta’ applikazzjoni għall-ażil waslu mis-Sirja, r-Russja u l-pajjiżi fil-Balkani filwaqt li l-iktar pajjiżi li rċevew talbiet kienu l-Ġermanja, Franza, l-Iżvezja, ir-Renju Unit u l-Italja.
Is-Sirjani huma l-iżjed li qed jitolbu l-ażil b’żieda ta’ 109%.
Mit-talbiet li waslu 34.4% ġew aċċettati filwaqt li sal-aħħar tas-sena li għaddiet kien għad hemm 352,000 persuna jistennew ir-risposta għat-talba għall-ażil li ressqu.
Mill-istatistika jirriżulta li l-applikazzjonijiet pendenti żdiedu bi 33% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.