Kważi nofs is-settur pubbliku mmexxi min-nisa

46% tat-tmexxija fl-ogħla karigi fis-settur pubbliku huma mmexxija min-nisa. Dan ħabbru s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-bidu tal-ġimgħa ddedikata lis-Settur Pubbliku 2020.

Cutajar esprima s-sodisfazzjon tiegħu li Malta tinsab minn ta’ quddiem nett fl-Ewropa u ċ-ċifra ta’ 46% hija d-doppju ta’ dik fl-2012. Cutajar qal li s-Servizz Pubbliku joffri aktar minn 2,000 servizz kuljum u f’sena jsiru madwar 13,000 interazzjoni.

F’din il-konferenza tal-aħbarijiet ġew ippreżentati l-ewwel riżultati ta’ analiżi akkademika tal-ħidma li saret mis-Settur Pubbliku. 61% tal-pubbliku qal li jemmnu li s-servizzi tal-gvern tjiebu. Cutajar qal li skont il-Eurobarometer il-fiduċja tan-nies fis-Settur Pubbliku Malti hija 18-il punt perċentwali iktar mill-medja Ewropea.

L-istatistiċi li ġew ippubblikati juru li 74% jemmnu li

  • Is-servizzi online tjiebu;
  • 64% jafu bit-tiġdid li qed isir fis-Servizz Pubbliku
  • 77% jafu b’servizz.gov u bis-servizzi tiegħu.

It-tema ta’ din is-sena għall-ġimgħa ddedikata għas-Servizz pubbliku hija ‘Servizz Pubbliku Dejjem Miegħek’. Cutajar spjega li din it-tema ntgħażlet għax is-servizzi qegħdin ħdejn iċ-ċittadin u l-klijent huwa l-qofol tas-Servizz Pubbliku.

Fl-attivitajiet għal din il-ġimgħa s-Servizz Pubbliku se jkun qed jesponi l-kwalità tas-servizzi li jagħti, ibbażata fuq l-erba’ pilastri:

  • Il-Vuċi – se jiltaqgħu mal-istakeholders u jisimgħu x’għandhom xi jgħidu
  • Id-Disinn – se jitkellmu fuq policies u jħejju għall-futur dwar suġġetti varji fosthom ir-Remote Working u l-prospetti tal-Intelliġenza Artifiċjali
  • Il-Pakkett – se jkunu qed jirrikonoxxu s-servizz ta’ kwalità permezz tal-Quality Label
  • Il-Kontabilità – din se ssir permezz tat-tnedija ta’ żewġ pubblikazzjonijiet, waħda dwar il-ħidma tas-Servizz Pubbliku fl-aħħar tnax-il xahar u l-oħra bit-tweġiba tal-Amministrazzjoni Pubblika għar-rapporti tal-Awditur Ġenerali.