Kważi nofs il-kumpaniji f’Malta ma mlewx id-dikjarazzjoni finanzjarja

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) tat ċamata oħra lill-Malta u lir-reputazzjoni tagħha, b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Fost l-oħrajn l-istħarriġ tal-OECD sab li bejn l-2019 u l-2020 52% biss tal-kumpaniji pprovdew dijkarjazzjoni finanzjarja.

Fi stqarrija l-PN qal li dan jikkuntrasta mal-kliem fieragħ tal-Prim Ministru li jipprova jagħti l-impressjoni li pajjiżna biddel ir-rotta u li qed ipoġġi l-governanza bħala pilastru tal-ħidma tiegħu.

Silta mir-rapport tal-OECD dwar Malta

Il-PN qal li fir-rapport annwali ppubblikat mill-Forum Globali tal-istess OECD dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar it-Taxxa, Malta ġiet downgraded għal wieħed mill-iktar livelli baxxi fl-Unjoni Ewropea u fil-livell ta’ pajjiżi b’reputazzjonijiet mill-aktar dubjużi fit-tielet dinja.

Fl-istqarrija l-PN sostna li din id-deċiżjoni ma tawgurax tajjeb hekk kif Malta trid taffronta reviżjoni importanti mill-Kunsill tal-Ewropa permezz tal-Moneyval, wara li s-sena li għaddiet falliet minn eżami​ importanti fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus. Skont il-PN dan huwa r-riżultat ta’ politika li wasslet biex is-superviżjoni mill-awtoritajiet ikkonċernati tkun waħda fjakka u fil-ftit okkażjonijiet fejn informazzjoni dwar suspetti ta’ kriminalità finanzjarja għaddiet għand il-Pulizija, il-Korp naqas milli jieħu azzjoni.