Kważi nofs il-każijiet tal-2019 kienu ta’ vizzju tal-kokaina – OASI

Read in English.

Il-Fondazzjoni OASI qalet li fl-2019, komplew jiżdiedu n-nies li jirrikorru għandha minħabba problemi bl-użu ta’ droga rikreattiva. 44% tan-nies li rrikorrew għandha s-sena li għaddiet kellhom problema bil-kokaina.

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni qalet li t-Tim ta’ Terapija fi ħdanha jaħdem ma’ ‘l fuq minn 200 persuna fis-sena.

Fl-2019, 25% talbu l-għajnuna minħabba diffikultajiet li huma relatati mal-alkoħol u 9% minħabba l-kannabis. Qalet li rat żieda fl-użu tal-kokaina crack. Min-naħa l-oħra, l-użu tal-eroina baqa’ baxx, għaliex 16% irrikorrew għand l-OASI f’dan ir-rigward.

Il-Fondazzjoni qalet li 40% tal-każijiet fl-2019 kellhom edukazzjoni postsekondarja, u 16% kellhom edukazzjoni universitarja.

Stqarret li ħafna mill-każijiet ikunu oriġinaw minn postijiet ta’ divertiment, iżda d-droga ssir problema akbar meta l-individwi jibdew jużawha waħedhom. “Issib ħafna li jgħidulek li kienu jaħsbu li ma kellhomx riskju li jiżviluppaw problema ta’ addiction, għaliex mingħalihom li l-eroina biss tikkawża addiction.”

L-istqarrija maħruġa mill-Fondazzjoni tgħid li t-tim ta’ terapija jagħmel xogħol mhux biss mal-persuni bil-problema tad-droga, imma anke mal-qraba tagħhom u ma’ min iħaddimhom.

Dan l-aħħar, minħabba l-pandemija tal-Covid-19, it-tim tal-intervent immedjat fetaħ helpline, biex dawk il-persuni li għaddejjin minn mumenti diffiċli jew iħossu ansjetà minħabba dak li qed jiġri, ikunu jistgħu jsibu l-għajnuna ta’ tim professjonali. Dan is-servizz serva biex ukoll jgħin lill-familji li għaddejjin minn sitwazzjoni ta’ faqar u dawn tressqu lejn is-servizzi li kellhom bżonn.

L-OASI tiffunzjona permezz tal-50 voluntier tagħha. Il-Fondazzjoni OASI toffri is-servizzi kollha tagħha b’xejn. Spjegat li għalhekk, il-ftehim li sar dan l-aħħar mal-Ministeru tas-Solidarjetà Soċjali għandu jkun strumentali biex flimkien mal-fondi tal-Fondazzjoni, ikunu jistgħu isaħħu dawn is-servizzi u jżidu fil-professjonalità u l-ħiliet tal-ħaddiema tal-Fondazzjoni.

Kull min jixtieq ifittex l-għajnuna jew irid aktar informazzjoni għal xi programm ta’ prevenzjoni addattat għall-bżonnijiet partikolari tiegħu jista’ jċempel fuq 21563333 jew isib lill-Fondazzjoni fuq il-mezzi soċjali.