Kważi lest il-proġett f’Ħal Qormi biex jonqos l-għargħar

DOI - Clifton Fenech

Il-proġett tal-bini ta’ storm water culverts f’Ħal Qormi wasal fil-fażijiet finali tiegħu.

Fi stqarrija, il-Ministeru għat-Trasport qal li qed isir xogħol fi Triq Tomasucci u Triq Vittimi tal-Gwerra f’Birkirkara kif ukoll fi Triq Dun Marju u Triq il-Wied f’Ħal Qormi. Huwa stmat li dan il-kuntratt jiswa aktar minn €187,000, u li x-xogħlijiet fi Triq Dun Marju huma stmati li jiswew madwar €85,000.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li huwa essenzjali li dejjem jiġu evalwati proġetti kbar bħan-National Flood Relief Project biex wieħed jara kif jistgħu jsiru investimenti oħra. Huwa faħħar lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura li qed imexxi dan il-proġett. Il-Ministru Borg faħħar lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li dejjem wera inizjattiva biex iressaq il-karba tan-nies li jbatu mill-għargħar f’din il-lokalità, sabiex il-gvern ċentrali seta’ jieħu l-azzjonijiet neċessarji.