Kważi jirduppjaw il-passiġġieri minn cruise liners biex jgħaddu l-livell tal-2014

Fl-ewwel tliet xhur tas-sena, imqabbla mal-istess xhur tas-sena li għaddiet, il-passiġġieri minn cruise liners li waslu f’Malta żdiedu b’iktar minn 90%, biex għaddew bi ftit dawk li kienu waslu fl-istess xhur tal-2014.
Kien hemm b’kollox 17-il cruise liner li waqaf f’Malta, li hu kważi d-doppju tal-istess xhur fl-2015 meta kienu waqfu disa’ vapuri.
Skont l-NSO, minn iktar minn 39,000 passiġġier kien hemm 1,000 li għaddew mill-inqas lejl wieħed fuq il-vapur sorġut f’Malta, b’99.5% tal-passiġġieri waqfu biss għal ftit sigħat.
Bħall-aħħar tliet snin, ma kien hemm l-ebda bastiment f’dawn ix-xhur li waqaf f’Għawdex.
Tnejn minn kull 3 passiġġieri kienu minn pajjiżi oħra tal-UE, l-iktar mill-Italja, mill-Ġermanja u minn Franza. Minn fost iċ-ċittadini minn pajjiżi mhux fl-UE, kwart kienu mill-Istati Uniti.
L-ikbar numru ta’ passiġġieri kienu ta’ età bejn 60 u 79 sena, segwiti minn dawk ta’ bejn 40 u 59 sena.