Kważi għerqu fil-baħar imqalleb tad-Dwejra

Żewġ għaddasa jistgħu jodduha b’waħda wara li ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta għall-ħabta tal-5:30 tal-bieraħ wara nofsinhar.

Raġel u mara ġew irrapportati nieqsa għal ħabta tal-10:30 ta’ filgħodu wara li marru jgħoddsu fid-Dwejra, Għawdex.

Il-Pulizija sabet il-vann taż-żewġ persuni ipparkjat fid-Dwejra mingħajr l-għodda neċessarja għall-għadds, u għalhekk assumiet li dawn kienu marru jgħoddsu u ma rritornawx. It-tfittxija saret permezz ta’ ħelikopter u dgħajsa tal-Forzi Armati.

It-tfittxija ma kinitx faċli minħabba li l-baħar kien imqalleb u l-ħelikopter kellu jittajjar qrib ħafna tal-irdum.

Ir-raġel kien salvat l-ewwel, u ttieħed minnufiħ lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Bil-ħelikopter baxx fir-riserva ta’ fjuwil u ftit dawl, il-Forzi Armati rnexxielhom isalvaw il-mara wkoll.

B’xorti tajba, l-għaddasa jinsabu f’kundizzjoni stabbli.