Kważi €3m f’miżati universitarji f’semestru wieħed

Kważi tliet miljun ewro għal korsijiet universitarji tħallsu fl-ewwel semestru biss ta’ din is-sena skolastika, minn studenti barranin fl-Unjoni Ewropea (UE) jew barra minnha.
Dan qalu lbieraħi l-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista, Chris Said.
Skont iċ-ċifri li poġġa l-Ministru fil-Parlament, jidher ukoll li mis-sena skolastika 2008-09 sa dik tal-2015-16, id-dħul baqa’ tiela’ kostantament sa €5 miljun fis-sena skolastika li għaddiet.
Fl-2008, il-miżati tal-istudenti barranin għal korsijiet Universitarji ammontaw għal €1.5 miljun, jiġifieri fi tmien snin id-dħul aktar minn trippla, għaċ-ċifra ta’ €5 miljun.
Preżentament, hemm 11,653 student l-Università, bejn full-time u part-time.
Rigward korsijiet full-time, hemm 7,867 student Malti, 438 student mill-UE, u 433 ieħor mhux mill-UE.
F’korsijiet part-time, hemm 2,783 Malti, 99 persuna mill-UE, u 33 oħra mhux mill-UE li qed isegwu dawn it-tipi ta’ korsijiet.