Kważi €3,000 għal kotba ġodda f’Raħal Ġdid

Fuq inizjattiva tal-kunsill lokali ta’ Raħal Ġdid, il-librerija tal-lokal qed tara investiment ta’ iktar minn €3,000 f’kotba ġodda waqt li kotba antiki jew imqattgħin qed jitneħħew mil-librerija.
L-investiment qed isir mill-istess kunsill flimkien mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali u dak għal-Libreriji Pubbliċi.
L-iskop hu biex iktar nies jużaw is-servizzi tal-librerija waqt li iktar nies jiġu mħajra jaqraw. Matul din is-sena, is-self ta’ kotba minn din il-librerija naqas bi kważi 40%.
Il-kunsill lokali jixtieq li l-pass li jmiss ikun il-bini ta’ librerija apposta, b’servizzi ta’ internet u riżorsi onlajn, u li tkun tinkludi spazju għar-riċerka fi gruppi.