​Kważi €175 miljun profitt għall-BOV fi 15-il xahar

Il-grupp tal-Bank of Valletta irreġistra profitt ta’ ftit inqas minn €175 miljun, fejn il-Bank ħabbar li se jkun qed jagħti dividend ta’ €0.08ċ għal kull sehem.
Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta Deo Scerri ħabbar li dawk li għandhom l-ishma tal-Bank, jistgħu jagħżlu li jirċievu d-dividend tagħhom jew fi flus jew inkella permezz ta’ ishma ġodda sabiex ikunu jistgħu jżidu sehemhom.
Deo Scerri spjega li l-Bank ħa din id-deċiżjoni wara li l-ħarġa tar-rights ġiet sottoskritta kollha, u għalhekk il-Bank ħass li għandu jagħti l-ewwel dritt lil dawk li għandhom diġà l-ishma, sabiex jekk iridu, jixtru iktar ishma bi prezz irħas. Kompla jgħid li din l-iskema mhijiex mandatorja, u allura dawk li għandhom l-ishma xorta waħda jistgħu jagħżlu li ma jieħdux din l-offerta biex minflok jieħdu d-dividend bħas-snin ta’ qabel.
Meta tkellem dwar il-finanzi tal-Bank għall-perijodu ta’ 15-il xahar, iċ-Chairman tal-BOV qal li l-profitti tal-Bank waħidhom, ammontaw għal ftit inqas minn €150 miljun, li tirrapreżenta żieda minn €118 miljun fis-sena ta’ qabel. 
Qal li l-ispejjeż biex jitmexxa l-Bank komplew jitilgħu, il-parti l-kbira tagħhom huma dovuti għal sistemi tal-IT, investimenti fir-riżorsi umani u f’miżuri ta’ kontroll.
Deo Scerri semma kif fl-aħħar sena, il-Bank żied il-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji, tal-compliance kif ukoll tal-kontrolli biex jassiguraw li ma jkunx hemm tranżazzjonijiet marbuta mal-kriminalità finanzjarja.