Kważi €30,000 għall-kunċert Inħobbok li sar fl-2019

€29,561 eskluż il-VAT kienu l-ispejjeż li saru biex ittella’ l-kunċert Inħobbok f’Jum San Velentinu fl-2019 fil-Pjazza tat-Tokk fir-Rabat, Għawdex. Dawn il-fondi ngħataw taħt il-miżura tal-baġit ‘Festivals Tematiċi’.  

L-organizzatur ta’ dan il-kunċert Christian Azzopardi kien ġie intervistat minn Fredrick Zammit waqt il-programm Nitfa Kultura li kien jixxandar fuq Malta’s Heart 103FM.  

F’dan il-programm Azzopardi kien spjega li l-protagonist għal din l-attività kien Ivan Grech flimkien mal-band tiegħu. Kien hemm mistiedna wkoll diversi bands lokali, kemm Għawdxin kif ukoll Maltin.  

Dan il-kunċert kellu t-tema tal-imħabba u kien ittella’ propju fil-ġurnata ddedikata lill-maħbubin.  

Il-Ministru għal Għawdex għadda din l-informazzjoni fil-Parlament bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said.