Kważi 900 tifel u tifla ġew salvati f’Malta fl-2019

Matul is-sena 2019 ddaħħlu Malta 868 tifel u tifla. 768 tifel u tifla ġew salvati f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar. Il-maġġoranza ta’ dawn it-tfal kienu ġejjin mill-pajjiżi tas-Sudan, Somalja u Eritrea.

92% tat-tfal li ddaħħlu Malta kienu subien u 8% huma tfajliet. Fir-rapport imħejji mill-Aġenzija għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR), il-UNICEF u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Imigrazzjoni (IOM) ġie spjegat li kull tifel u tifla li jidħlu Malta jkollhom limitazzjonijiet fejn jistgħu jmorru.

Fir-rapport spjegaw li dawn it-tfal imorru fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi jew fl-Initial Reception Centre u jinżammu hemm bejn seba’ ġimgħat u xhur. F’dan il-perjodu jsiru diversi testijiet ta’ saħħa qabel ikunu jistgħu jimxu għaċ-ċentri miftuħa. Madankollu dawn it-tfal jistgħu jibqgħu jinżammu fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni minħabba n-nuqqas ta’ spazju li hemm fiċ-ċentri miftuħa.

F’Diċembru 2019 kien hemm 50 tifel u tifla li kienu qegħdin jgħixu fiċ-ċentri miftuħa fiż-żona ddedikata għat-tfal li jaslu Malta mhux akkumpanjati. F’din iż-żona t-tfal ma kellhomx limitazzjonijiet fuq il-libertà tagħhom.

186 tifel u tifla li waslu Malta wara li ġew salvati f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ fl-2019 baqgħu jinżammu fiċ-Ċentru ta’ Ditenzjoni ta’ Ħal Safi u 82 persuna qed jinżammu fl-Initial Reception Centre.

Matul l-2019 il-pajjiżi Ewropej laqgħu 672,935 persuna li qegħdin ifittxu ażil. Kważi terz minn dawn il-persuni kienu tfal, 202,945. Meta kkumparat mas-sena ta’ qabel kien hemm żieda ta’ 6% fl-ammont tat-tfal li qegħdin ifittxu ażil.