Kważi 5,000 persuna użat titjiriet sussidjati lejn Malta biex tivvota fl-2013

Għall-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013, kien hemm 4,891 persuna ta’ ċittadinanza Maltija li wżat titjira sussidjata tal-Air Malta biex ivvjaġġat lejn Malta biex tivvota.

L-informazzjoni ngħatat fil-Parlament fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saret lill-Ministru tat-Turiżmu Karmenu Vella mid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

Ftit inqas minn nofs il-votanti Maltin li kienu jinsabu barra minn Malta, ivvjaġġaw minn Londra (2,126). It-tieni l-iktar numru ta’ votanti vvjaġġaw minn Brussell (441), minn Manchester (405) u mill-ajruport ta’ Fiumicino f’Ruma (307).

B’kollox, il-passiġġieri daħlu Malta minn 25 destinazzjoni differenti.