Kważi 4 minn kull 5 persuni f’Malta beħsiebhom jieħdu l-vaċċin kontra l-Covid-19

Il-wasla tal-vaċċin fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta - DOI

Read in English.

Kważi erbgħa minn kull ħames persuni beħsiebhom jieħdu l-vaċċin kontra l-Covid-19.

Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-kumpanija Esprimi, li fih ipparteċipaw 500 persuna.

Mistoqsijin jekk għandhomx f’moħħhom li wieġbu l-vaċċin, 38% qalu li żgur se jiħduh, 32.8% qalu li x’aktarx jiħduh, 10.8% qalu li x’aktarx ma jiħduhx, mentri 4.6% qalu li żgur mhumiex se jieħdu l-vaċċin. 13.8% kienu indeċiżi.

Kważi parteċipant minn kull erbgħa ma kienx deċiż fuq il-vaċċin. Kien hemm aktar ċertezza fost l-irġiel (72.9%) meta kkumparati man-nisa (68.9%) li jieħdu l-vaċċin.

X’qed jinkwetahom?

Dawk li mhumiex ċerti jekk jiħdux il-vaċċin jew le huma mħassbin fuq il-konsegwenzi li jista’ jkollu. Dan kien l-akbar tħassib (91.3%), filwaqt li oħrajn huma xettiċi miż-żmien qasir li dam biex jiġi żviluppat dan il-vaċċin u minħabba n-nuqqas ta’ ttestjar li sar fuqu (63.4%).

L-anzjani, dawk ta’ aktar minn 65 sena, kienu fost l-aktar ċerti li jitlaqqmu kontra l-Covid-19 (78.7%), segwiti mill-grupp ta’ persuni li għandhom bejn 25 u 34 sena (73.5%) u ż-żgħażagħ ta’ bejn 16 u 24 sena (70.8%). Ix-xettiċi kienu l-aktar nies li għandhom bejn 50 u 64 sena (68%) u li għandhom bejn 35 u 49 sena (65%).

Apparti hekk, mill-istħarriġ ħareġ li nies li qatt ma marru skola jew għandhom biss livell primarju ta’ edukazzjoni kienu aktar ċerti mill-vaċċin.

Illum beda jingħata l-ewwel vaċċin tal-coronavirus f’Malta, u l-ewwel persuna li tlaqqmet kienet Rachel Grech, infermiera li taħdem fit-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei.

L-Arċisqof Charles Scicluna, hu u jirrifletti fuq is-sena 2020, appella lil kull min jista’ jieħu l-vaċċin biex jagħmel dan, mhux għalih innifsu biss, imma anke għal ta’ madwaru.

Inti se tieħdu l-vaċċin?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt