Kważi 3,000 ikla kuljum… din mhix kriżi? – Ivan Bartolo

Ritratt: Unsplash

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-Partit Laburista tela’ bl-għajta li jeredika l-faqar iżda l-pajjiż jinsab fi kriżi.

Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar l-estimi ta’ dħul u infiq tal-Awtorità tad-Djar, Bartolo spjega li l-Caritas qed tagħti 700 ikla kuljum, Ghe Malta Trust Foundation qed tqassam 2,000 xirja filwaqt li l-kavallieri ta’ San Ġorġ iwasslu 200 ikla.

“Jekk din mhix kriżi, nixtieqkom tgħiduli xi tfisser il-kelma kriżi,” stqarr Bartolo.

Huwa qal li madwar 90,000 persuna huma f’riskju ta’ faqar li wħud minnhom qed jistennew għal dar soċjali. Bartolo qal li l-waiting list minn 3,000 niżlet għal 2,500. Żied jgħid li peress li f’seba’ snin ta’ Gvern Laburista ma nbniet l-ebda unit, il-Ministru jrid jgħid x’sar minnhom dawn il-500 applikazzjoni.

“Għawdex bi problemi soċjali ġodda” – Kevin Cutajar

Minn naħa tiegħu, id-deputat Kevin Cutajar stqarr li peress li l-akkomodazzjoni hija irħas minn Malta, Għawdex qed jispiċċa bi problemi soċjali ġodda. Fl-istess ħin, diversi rħula Għawdxin fosthom San Lawrenz qed jispiċċaw irħula fantażmi minħabba n-nuqqas ta’ xogħol.