Kważi 30,000 mara mhux taħdem minħabba impenji familjari

Mill-persuni kollha f’Malta li kienu qiegħda bejn Settembru u Diċembru tas-sena l-oħra, kien hemm 30,595 persuna inattiva minħabba raġunijiet personali jew impenji familjari, u kważi 30,000 minnhom kollha nisa.
"Persuni inattivi" tfisser nies li mhumiex jaħdmu u mhumiex ifittxu xogħol.
Ċifri ġodda mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li x-xogħol fil-familja, bħala r-raġuni ewlenija biex wieħed jieqaf jaħdem u ma jfittixx impjieg, għadu b’saħħtu ħafna fost in-nisa, tant li l-għadd ta’ rġiel li waqu jaħdmu speċifikament minħabba dir-raġuni ġie deskritt mill-NSO bħala mhux ta’ min joqgħod fuqu, għax kien hemm ftit eżempji.
Raġunijiet oħra kienu minħabba aktar edukazzjoni u taħriġ, għax intlaħqet l-età tal-pensjoni, u raġunijiet varji oħra.
Bħala dehra ġenerali tar-riċerka, fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra n-nies jaħdmu żdiedu b’5.1% mis-sena l-oħra, u b’kollox kien hawn 203,651 jaħdmu, jiġifieri aktar min-nofs il-popolazzjoni ta’ nies ta’ aktar minn 15-il sena.
Ir-rata tal-qgħad kienet dik ta’ 3.7%, jiġifieri 7,891 persuna, u dawk mhux attivi 159,967, jiġifieri 43.1% tal-popolazzjoni.
Bħala medja, minn kull 100 persuna ta’ bejn il-15 u s-64 sena, 69 kienu qed jaħdmu.
Jekk wieħed jieħu dawn is-snin, 81.3% kienet ir-rata tal-impjegabbiltà għall-irġiel, u 56.7% għan-nisa.
Il-paga bażika għal bejn Settembru u Diċembru tal-2017 kienet ta’ €17,911, bl-ogħla waħda tkun fis-settur tal-finanzi u l-assigurazzjoni, b’€26,741, u l-inqas tkun fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u l-akkomodazzjoni, bi €15,386.