Kważi 3,000 militant tal-ISIS fil-Libja

Esperti tan-Nazzjonijiet Magħquda jistmaw li fil-Libja hemm bejn 2,000 u 3,000 militant li qed jiġġieldu f’isem l-Istat Iżlamiku.
Skont l-esperti, l-ISIS hu biss fazzjoni mill-ħafna li qed joħolqu nkwiet fil-pajjiż u qed isibu reżistenza mill-popolazzjoni Libjana.
Imma, qed jużaw is-saħħa li għandhom fl-Iraq u fis-Sirja u huma ta’ theddida serja, fl-immedjat u fit-tul, fil-Libja.
Sadattant, b’rabta mal-attakki ta’ Pariġi, f’Molenbeek fil-Belġju għadha għaddejja t-tfittxija għal Salah Abdeslam li, kważi tliet ġimgħat wara l-attakki, għadu maħrub.
Il-Pulizija qed tfittex ukoll lil Mohamed Abrini, anke hu b’mandat internazzjonali, imma s’issa wkoll mingħajr suċċess.
Fl-aħħar jiem, ħarġu diversi rapporti li aktarx Abdeslam s’issa jinsab fis-Sirja iżda qatt ma kien hemm konferma.