Kważi 2 miljun passiġġier qasam il-fliegu fis-sajf – Ministeru għal Għawdex

Figuri uffiċjali mill-Gozo Channel juru li matul is-sajf 1,872,000 passiġġier qasmu l-fliegu matul is-sajf. Dan ħareġ fi stqarrija mill-Ministeru għal Għawdex dalgħodu li tkellmet dwar it-tkabbir ekonomiku f’Għawdex.

Il-figuri żvelaw ukoll li kien hemm 550,000 vettura li qasmu minn u lejn Għawdex permezz ta’ 8,386-il vjaġġ li operat il-kumpanija. Dan qalu li juri li kien hemm żieda ta’ 3.4% f’passiġġieri u 7.7% fil-vetturi fuq is-sajf tal-2018.

Minkejja dan, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li Għawdex qed isir attrazzjoni turistika tul is-sena kollha. Qalet li dan grazzi ħall-kalendarju ppakkjat b’festivals tematiċi, spettakli ta’ kultura u divertiment popolari, kif ukoll promozzjoni aktar effettiva tal-patrimonju naturali.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija, Joe Muscat, qal li s-sajf kien wieħed fuq l-istess livell tas-snin li għaddew, fejn in-numru ta’ turisti li jżuru Għawdex baqa’ jikber. Qal li dan wassal għal żieda fin-numru ta’ sodod fis-settur tal-akkomodazzjoni f’Għawdex bl-investiment tas-settur privat. Qal li n-niċċa tad-diving kellha staġun ta’ sfida qawwija, minħabba kompetituri ta’ Għawdex bħall-Eġittu, it-Tuneżija u t-Turkija.

Muscat kompla jgħid li x-xhur ta’ Ottubru u Novembru jidru sbieħ u dan juri li l-isfida tal-istaġjonalità qed tiġi mtaffija.