Kważi 1,000 sewwieq jirreġistraw ma’ GoTo

Kważi 1,000 sewwieqa diġà rreġistraw ma’ GoTo, l-ewwel inizjattiva nazzjonali ta’ karozzi li jistgħu jintużaw minn għadd ta’ nies (car sharing) f’Malta, li ġiet imnedija biex tipprovdi għażla ta’ trasport ekoloġiku li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-traffiku fit-toroq.

Din l-inizjattiva ta’ €8 miljun, immexxija minn Car Sharing Services Malta, kumpanija sussidjarja ta’ CAR2GO Israel, ġiet inawgurata mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg, u tifforma parti mill-viżjoni tal-Gvern biex ikun hemm 5,000 karozza elettrika fit-triq sal-2020 u li jintroduċi soluzzjonijiet tat-trasport ġodda.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Car Sharing Services Malta Liran Golan qal: “Din l-inizjattiva, li se twassal għal flotta ta’ 150 karozza elettrika fit-triq, hija l-alternattiva tat-trasport perfetta għal gżira bħal Malta, u nemmnu li din tifforma parti minn rispons fuq diversi livelli għall-isfidi li jiffaċċja l-ambjent urban dens tagħna llum.

“It-tendenza globali rat bidla li twassal għal soluzzjoni aktar ekoloġika ta’ kif wieħed jista’ jdur fi bliet fejn hemm konġestjoni,” kompla jgħid.

Li hemm innovattiv dwar GoTo huwa li meta tniżżel l-app, tista’ ssib l-eqreb karozza. Kull ma trid tagħmel hu li tidħol u ssuq lejn id-destinazzjoni tiegħek, u wara tħalli l-karozza pparkjata f’wieħed mill-ispazji ta’ parkeġġ madwar Malta u Għawdex.

L-ispazji ta’ parkeġġ oranġjo — li huma akkumpanjati minn 225 stazzjon tal-iċċarġjar elettriku — huma pożizzjonati b’mod strateġiku qrib ta’ modi oħra tat-trasport bħal waqfiet tal-karozzi tal-linja jew laneċ, biex jiżguraw li l-vjaġġ ikun faċli kemm jista’ jkun.

“Xi membri tal-pubbliku għall-bidu kienu inkwetati dwar it-telf ta’ xi spazji tal-parkeġġ fil-lokalità tagħhom, iżda ninsabu kuntenti li kważi l-kunsilli lokali kollha issa qablu u rrikonoxxew il-benefiċċji fit-tul u l-għażla li r-residenti jkollhom alternattiva oħra għat-trasport.

“Nixtiequ nirringrazzjaw lill-gvern għall-appoġġ tiegħu, u talli kellu l-viżjoni li jintroduċi din l-inizjattiva li se tgħin biex jitnaqqas it-traffiku fil-Gżejjer Maltin aktar fit-tul,” qal Golan.

F’Iżrael, fejn dan is-servizz diġà qed jopera, huwa stmat li medja ta’ 17-il karozza ġew sostitwiti għal kull vettura CAR2GO fejn ġiet introdotta l-inizjattiva. F’Malta, GoTo hija mmexxijja bil-kollaborazzjoni ta’ Transport Malta u hija marbuta mal-pjanijiet tal-gvern biex jintroduċi modi tat-trasport innovattivi u jnaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi privati.

“B’47 karozza ġdida fit-triq kuljum fuq din il-gżira, ninsabu eċitati li noffru alternattiva oħra minbarra li tkun sid ta’ karozza lis-sewwieqa, u biex jaħsbuha darbtejn qabel ma jżidu l-konġestjoni fit-toroq,” qal Golan.

“Din l-inizjattiva, flimkien ma’ modi oħra tat-trasport, għandha tipprovdi ekosistema b’saħħitha li se tippermetti lill-individwi jeħilsu mill-karozza tagħhom”.

Dawk li jirreġistraw issa qed jiġu offruti xahrejn b’xejn. GoTo qed toffri servizz għall-konsumatur 24/7 biex tiżgura li s-sewwieqa jiġu ggwidati matul kull ostaklu li jistgħu jiltaqgħu miegħu. In-numru huwa 2226 8000.