Kwart tar-ristoranti qed jikkunsidraw li jagħlqu – ACE

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Ikel (ACE) qalet li minn stħarriġ li għamlet, jidher li kwart tal-istabbilimenti qed jikkunsidraw li jagħlqu, filwaqt li kważi nofshom qed jistennew u jaraw kif tiżvolġi s-sitwazzjoni. 23% qalu li se jibqgħu miftuħin.

L-assoċjazzjoni ppubblikat stħarriġ li wettqet din il-ġimgħa biex tara l-qagħda li jinsabu fiha r-ristoranti minħabba l-pandemija, u qalet li minnu tikkonkludi li s-sitwazzjoni hija waħda allarmanti. Hija qalet li biex ir-ristoranti jirnexxilhom isalvaw ix-xitwa li ġejja, irid ikun hemm żieda mal-wage supplement li qed jagħti l-Gvern, u l-vawċers tal-Gvern iridu jinħarġu malajr kemm jista’ jkun.

23% tar-ristoranti se jkeċċu lil uħud mill-ħaddiema jew lill-ħaddiema kollha, filwaqt li 45.3% ma jafux hux se jkeċċuhom. B’konsegwenza tan-nuqqas ta’ bejgħ li qed jagħmlu, 60% tar-ristoranti li pparteċipaw fl-istħarriġ qalu li naqqsu l-ħinijiet jew il-ġranet tal-ftuħ tagħhom.

L-appell tal-istabbilimenti għall-baġit
Jipproponu li tonqos id-distanza tal-imwejjed fir-ristoranti

Fi stqarrija, ACE qalet li hemm ħafna fatturi li qed iwasslu għal dan kollu, u t-tnejn ewlenin huma n-nuqqas ta’ bejgħ u l-ispejjeż li mhumiex sostenibbli. Spjegat li oriġinarjament, il-wage supplement kien ta’ għajnuna imma billi dan is-settur jimpjega ħafna nies, ħafna impjegati mhumiex ikunu koperti mill-wage supplement, apparti l-fatt li dan is-suppliment naqas.

L-istabbilimenti tal-ikel kollha qegħdin jgħidu li inqas mill-35% tal-impjegati tagħhom qed jirċievu dan is-suppliment. ACE appellat lill-Gvern biex jipprovdi s-suppliment anke lil dawk li ġew impjegati wara d-9 ta’ Marzu ta’ din is-sena “biex jevita diżastru kbir f’dan is-settur.” ACE trid ukoll li s-suppliment imur lura għal kemm kien jingħata qabel.

ACE temmet tgħid li għalkemm il-baġit kien wieħed pożittiv, l-implimentazzjoni tiegħu donnha mhix adekwata. Appellat lill-Gvern jaġixxi malajr biex isalva lin-negozji u l-impjieg ta’ ħafna.