Kwart tal-Maltin taħt it-18-il sena f’riskju ta’ faqar

"Kważi kwart tal-popolazzjoni Maltija ta’ dawk li għandhom inqas minn 18-il sena jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Skont statistika tal-Eurostat, bejn l-2013 u l-2016, il-persentaġġ ta’ dawk f’riskju naqas bi 8% jiġifieri minn 32% għal 24%.
Dan ifisser li jekk fl-2013, 24,000 persuna minn 18-il sena ‘l isfel kienu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, dawn naqsu għal 18,000 persuna fl-2016.
Il-medja Ewropea ta’ dawk f’riskju hija ta’ 26.4% u kważi fil-pajjiżi kollha l-persentaġġ naqas meta wieħed iqabbel l-2010 mal-2016.
Intant, ċifri ppubblikat f’Ottubru li għadda, ibbażati fuq statistika tal-Gvern turi li s-sena li għaddiet, kważi kwart tal-popolazzjoni Maltija kienet tinsab f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
L-istatistika kienet tqabbel ir-rata tas-sena li għaddiet ma’ dik tas-sena 2008. Minn dan jirriżulta li f’dawn it-13-il sena, żdiedu b’10,000 dawk il-Maltin u l-Għawdxin f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
Dan minkejja li  l-Prim Ministru Joseph Muscat fi tweet mibgħuta f’Settembru, kien qal li r-rata ta’ 20.1% tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar hija l-inqas mill-2008 ‘l hawn. Iżda l-istatistika tal-Eurostat, turi li l-persentaġġ ta’ dawk f’riskju ta’ faqar baqa’ l-istess, anzi saħansitra żdied b’10,000 f’termini reali.
6,000 tifel u tifla inqas f’riskju ta’ faqar” – PL
B’reazzjoni, il-Partit Laburista laqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li t-tfal taħt it-18-il sena f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqsu b’6,000.
Il-Partit Laburista fakkar li n-numru kien tela’ minn 21,000 persuna għal 24,000 persuna bejn l-2010 u l-2013.
Kwart tat-tfal Maltin mhux jħossu s-surplus” – PN
Intant, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-istatistika turi biċ-ċar kif is-surplus tal-Gvern mhux qed jasal għand kwart tat-tfal Maltin.
L-istqarrija tgħid li kieku l-Gvern minflok uża mijiet ta’ eluf ta’ ewro fi propaganda u konsulenzi lil tal-qalba, illum hawn inqas tfal f’riskju ta’ faqar
“Huwa ċar li t-tnaqqis tar-riskju tal-faqar fost it-tfal mhux prijorità għal dan il-Gvern,” ittemm tgħid l-istqarrija.
Anqas nies f’riskju ta’ faqar – Michael Falzon
Il-Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li madwar 6,000 tifel u tifla taħt it-tmintax is-sena ħarġu mir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali minn meta seħħet il-bidla fil-Gvern.
Falzon spjega li dan ir-rapport kien suċċess, u dan kien dovut għat-twaqqif ta’ kumitat interministerjali flimkien mal-Ministeri tas-Saħħa, tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, u tal-Ġustizzja, il-Kultura, u l-Gvern Lokali.