Kwart ta’ miljun jaqsmu lejn Għawdex u Kemmuna

Read in English.

260,763 vjaġġaw minn Malta, lejn Għawdex u Kemuna fl-2017. Figuri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li dawn nefqu b’kollox €40 miljun li jfisser 8.9% aktar mill-2016.

L-NSO spjegat li l-Maltin li żaru Għawdex u Kemuna ammontaw għal 52.4% tat-turisti li żaru dawn il-gżejjer u qattgħu mal-medja ta’ tlitt iljieli. Kważi nofshom kellhom l-età ta’ bejn il-25 u l-44 sena u l-iskop ewlieni kien li jgawdu l-vaganzi tagħhom.

Min-naħa l-oħra, l-Għawdxin li qasmu lejn Malta ammontaw għal 23,924, jew żieda ta’ 32% meta mqabbla mal-2016, skont l-NSO.

Turiżmu minn barra

L-NSO spjegat li l-ammont ta’ turisti li żaru Malta fl-2017 kien ta’ 2,273,837, żieda ta’ 15.7% fuq l-2016 u aktar min-nofs minn dawn it-turisti waslu Malta permezz tal-kumpaniji tal-ajru low cost.  Skont l-NSO dawn qattgħu medja ta’ ġimgħa f’Malta. Minn dawn l-NSO spjegat li 92,285 żaru Għawdex u Kemuna biss u qattgħu medja ta’ disgħa t’ijiem.

L-ammont ta’ turisti li qagħdu f’akkomodazzjoni kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex kien ta’ 122,611, u dawn qattgħu medja ta’ 11-il ġurnata.