Kwarantina għal min jivvjaġġa mill-Italja għar-Renju Unit: l-aħħar żviluppi madwar l-Ewropa

covid19-pandemic

Ir-Renju Unit neħħa lill-Italja mil-lista ta’ pajjiżi siguri fejn jidħol il-Covid, li jfisser li min-nhar il-Ħadd kull min jasal fir-Renju Unit mill-Italja jrid jgħaddi 14-il jum fi kwarantina. Skont Sky News, ir-Renju Unit rreġistra 18,980 infezzjoni ġdida lbieraħ u 138 persuna tilfu ħajjithom. Dan wassal biex il-Gvern jgħolli l-livell ta’ twissija għal “għolja ħafna” li jfisser l-impożizzjoni ta’ aktar restrizzjonijiet fosthom li gruppi ta’ ħbieb jinġabru fi djar xulxin.

Il-Gvern Pollakk ħabba lockdown parzjali fid-dawl ta’ żieda qawwija fil-każijiet. Dan hekk kif id-Direttur tal-Uffiċċju Reġjonali Ewropew tal-WHO ddeskriva s-sitwazzjoni fil-kontinent bħala “inkwetanti ħafna”. Hans Kluge, wara konferenza tal-aħbarijiet qal: “In-numru ta’ każijiet qed jiżdied kuljum, kif ukoll il-persuni li qed jiddaħħlu l-isptar qed jiżdiedu ta’ kuljum. Qed imutu mal-elf persuna kuljum, biex issa l-Covid hija l-ħames l-akbar kaġun ta’ mwiet fl-Ewropa”.

Il-WHO tesprimi t-tħassib dwar żieda inkwetanti ta’ każijiet fl-Ewropa
Iż-żieda ta’ każi madwar l-Ewropa hija ‘ta’ inkwiet kbir’ – WHO

Intant l-Italja tpoġġiet bħala wieħed minn ħames pajjiżi fil-lista l-oranġjo tal-ECDC, hekk kif issa xejn anqas minn 17-il pajjiż għandhom tikketta ħamra, fosthom Franza, Spanja u r-Renju Unit.

Għalkemm il-Ġermanja għadha ma laħqitx f’dan il-livell, is-sitwazzjoni bdiet issir ta’ tħassib anke f’dan il-pajjiż, minkejja li kien wieħed minn dawk li laqa’ l-aktar tajjeb għall-ewwel mewġa. Dan hekk kif fl-aħħar 24 siegħa, irreġistra numru rekord ta’ każijiet ġodda – 6,638, ċifra li taqbeż saħansitra l-akbar numru reġistrat f’Marzu, li kien dak ta’ 6,294. Dan wassal biex il-Kanċilliera Angela Merkel ħabbret miżuri ġodda biex jillimitaw il-kuntatt bejn in-nies.

Franza wkoll kienet kostretta tieħu miżuri drastiċi, bil-President Emmanuel Macron jordna lockdown filgħaxiet għal sitt ġimgħat f’Pariġi u disat ibliet oħra fejn is-sitwazzjoni hija kritika. Dan wassal għal kritika qawwija mis-settur tar-ristoranti li se jaqla’ daqqa ta’ ħarta oħra b’dawn id-deċiżjonijiet. F’dawn il-bliet jgħixu madwar 20 miljun persuna. Ilbieraħ biss fi Franza tilfu ħajjithom aktar minn 100 persuna.

Is-sitwazzjoni qed tiggrava wkoll fir-Russja, b’286 każ ġdid fl-aħħar 24 siegħa, l-għola ċifra mill-bidu tal-pandemija. B’kollox issa tilfu ħajjithom 23,491 persuna. Il-Gvern Russu mill-ġimgħa d-dieħla se jintroduċu sistema innovattiva fejn kull minn jidħol f’bars u diskoteki filgħaxijiet jkollu juża pass diġitali, permezz ta’ SMS jew kodiċi QR bl-għan li jkun iffaċilitat il-proċess ta’ contact tracing.