Filmat: “Kwalunkwe ħajja għandha valur, anke tal-persuni b’diżabbiltà”

Mons. Xavier D’Arrodes, li jaqdi l-missjoni tiegħu f’Lourdes, saħaq li l-ebda ħajja m’għandha titqies ta’ anqas valur minn oħra. Irrimarka kif f’Lourdes in-nies jiċċelebraw kwalunkwe tip ta’ ħajja.
Ma’ Newsbook.com.mt, Mons. D’Arrodes kien qed iwieġeb mistoqsijiet dwar il-fehma tiegħu fuq l-abort u l-ewtanasja fid-dawl tal-għadd ta’ persuni b’diżabilità li jiltaqa’ magħhom f’Lourdes. Fi kliemu, kull ħajja hija importanti u għandha titqies ta’ valur mill-konċepiment sal-mewt.
Ilbieraħ il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità fi stqarrija qalet li m’għandhiex titwarrab il-protezzjoni tal-fetu anke f’każijiet ta’ diżabilità.
Waqt l-intervista insista li l-esperjenzi tiegħu ma’ dawn in-nies iġegħluh jistaqsi lilu nnifsu min qed jgħin lil min.
Mons. D’Arrodes jisħaq li dawk kollha li għal xi raġuni jew oħra jżuru Lourdes, ifakkru lin-nies l-oħra preżenti dwar id-dinjità tal-ħajja umana. Jgħid ukoll li minkejja li bosta ma jkunux jistgħu jesprimu lilhom infushom jew jitkellmu, xi kultant, din il-ħaġa titkellem għaliha nnifisha, u għall-grazzji li jirċievu.
Il-Monsinjur ġie Malta sabiex jaqsam mal-Maltin iċ-ċelebrazzjonijiet li se jkunu għaddejja f’Lourdes din is-sena, hekk kif għalqu l-160 anniversarju mid-dehriet tal-Madonna lil Santa Bernardette Soubirous.
Ilbieraħ kien għeluq it-30 sena tal-kollaborazzjonijiet bejn il-Brittania Services Ltd u Lourdes.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li pittura kkummissjonata ta’ San Ġorġ Preca se titqiegħed f’kappella f’ Lourdes, kif ukoll minn issa, l-Air Malta se tibda toffri vjaġġi diretti minn Malta għal Lourdes.