​Kurt Farrugia mhux se jintimidana

Il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru evita li jwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt kollegament telefoniku l-Ħadd filgħodu fuq One Radio. 
Kurt Farrugia b’arroganza qal lill-ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt: “Nemmen li għandek tisma’ d-diskors tal-Prim Ministru u tikkwotah f’kuntest minflok tirrepeti tweets ta’ ħaddieħor”.
Kumment Editorjali: Meta wieħed iqabbel ir-rapport fuq Newsbook.com.mt u l-mistoqsijiet li għamilna, jinduna mill-ewwel li dawn kienu mibnija fuq il-kliem eżatt li qal il-Prim Ministru u fuq l-ebda Tweet. Nassiguraw lil Kurt Farrugia li t-tweġiba arroganti tiegħu mhux se tintimidana.
Newsbook.com.mt staqsa dwar x’jinvolvu r-riperkussjonijiet li semma l-Prim Ministru fil-konfront ta’ dawk li jinqabdu jigdbu biex iħammġu isem Malta.
Joseph Muscat kien qed iwieġeb mistoqsijiet dwar il-Forbidden Stories li qed joħorġu mill-konsorzju The Daphne Project, li għandu l-għan li jkompli l-istejjer li bdiet il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Newsbook.com.mt staqsa wkoll jekk dawk involuti f’dan il-proġett hux qed jigdbu biex iħammġu isem Malta.
Madanakollu l-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt kienu bbażati fuq dak li qal il-Prim Ministru l-Ħadd, u li kkwota wkoll il-Partit Laburista fl-istqarrija li ħareġ dritt wara:
“Mistoqsi dwar dawk magħrufa bħala Forbidden Stories, Joseph Muscat qal li l-gvern jirrispetta l-istituzzjonijiet…. Żied jgħid: “Jekk tlabt investigazzjoni ħalli din l-investigazzjoni ssir. Naraw xi jkun ir-riżultat tal-investigazzjoni u nimxu minn hemm. Inkluż kif nimxu fuq ir-riperkussjonijiet għal min jinqabad jigdeb biex iħammeġ isem pajjiżna”, qal Joseph Muscat”.

​Fl-aħħar jiem bħala parti minn The Daphne Project ġie żvelat li total ta’ €1.3 miljun ġew trasferiti lill-kumpanija 17 Black, il-kumpanija f’Dubaj imniżżla bħala wieħed mill-“klijenti prospettivi” li jgħaddu l-flus lill-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi.
Skont żewġ xhieda li tkellmu mal-ġurnalisti ta’ The Daphne Project, il-Ministru Chris Cardona allegatament kien wieħed minn dawk li ġieli ntlemaħ jixrob mas-suspettati tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Schembri, Mizzi, u Cardona ċaħdu l-allegazzjonijiet.
Nhar l-Erbgħa li għadda, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista talbet biex il-Parlament jiddiskuti dak li ħareġ minn The Daphne Project. Il-Gvern oppona li jsir dan għax ħass li ma kinitx ta’ natura urġenti. Dakinhar id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg tat ruling favur l-Oppożizzjoni biex l-affarijiet li ħarġu fil-midja jiġu diskussi. Fil-kollegatament tiegħu lbieraħ, il-Prim Ministru esprima dubju dwar ir-ruling ta’ Buttigieg.

The Daphne Project huwa proġett li qed jaħdem fuqu konsorzju internazzjonali ta' 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja fosthom it-Times of Malta, li għandhom il-missjoni li jkomplu x-xogħol li bdiet il-ġurnalista assassinata.