Kurt Farrugia jitħallas daqs 9 għalliema – PN

Il-Partit Nazzjonalista (PN) spjega kif lil Kurt Farrugia, Joseph Muscat ma njorahx bħalma għamel lill-għalliema. Fi stqarrija, il-PN qal li Farrugia sa ftit żmien ilu kien il-PRO tal-Orim Ministru u llum il-ġurnata qed jingħata pakkett ta’ €180,000 fis-sena bħala s-CEO tal-Malta Enterprise.

Dan ifisser li Kurt Farrugia qed jaqla’ paga daqs kemm disa’ għalliema f’daqqa jaqilgħu f’sena.

Lura f’Lulju ta’ din is-sena, l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia ġie appuntat bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise. Postu ttieħed Matthew Carbone li wkoll kien qed iservi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fi stqarrija, Malta Enterprise kienet qalet li Farrugia se jibda x-xogħol il-ġdid tiegħu fl-1 ta’ Awwissu wara li jirtira l-Kap Eżekuttiv ta’dak iż-żmien Mario Galea.

AQRA: Kurt Farrugia jinħatar CEO ta’ Malta Enterprise; Carbone floku f’Kastilja

Il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat qed jinjora totalment l-istatistika li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea fejn uriet li l-pagi tal-għalliema f’Malta huma aktar baxxi mill-medja Ewropea.

Il-PN qal li d-dikjarazzjoni li għamel meta qal li l-gvern ma jagħmilx l-affarijiet bil-pompa mhux minnu. Dan għax il-kliem qalu ftit jiem wara li wieħed mill-ministri tiegħu, Ian Borg nefaq €40,000 fuq ċerimonja waħda. Il-PN spjega kif Muscat qal li naqqas l-ammont ta’ Early School Leavers meta fil-verità Malta ġiet fit-tieni l-ogħla post fl-Ewropa li għandha studenti li ma jkomplux bl-istudju.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo f’Ottubru kien qal li l-paga tal-għalliema Maltin qegħdin fil-livelli tal-għalliema fl-Italja u Franza meta tieħu inkonsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha inkluż l-allowance u benefiċċji oħra. Bartolo kien qed jitkellem waqt l-ftuħ tad-diskussjoni tal-abbozz ta’ liġi dwar l-edukazzjoni. Huwa qal li għalliem f’Malta jaqla’ madwar €22,000 filwaqt li għalliema fil-Grecja għandu paga ta’ €13,000.

AQRA: Il-paga tal-għalliema f’Malta fl-istess livelli tat-Taljani u l- Franċiżi -Bartolo

Fl-istqarrija, il-PN tkellem ukoll dwar il-proġetti diversi li l-gvern ħalla nofs leħja, bħall-iskejjel tal-Qawra, l-Imsida u r-Rabat Għawdex.