Kurt Farrugia jinħatar CEO ta’ Malta Enterprise; Carbone floku f’Kastilja

Il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia ġie appuntat bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise. Postu se jieħdu Matthew Carbone li wkoll kien qed iservi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru,

Fi stqarrija, Malta Enterprise qalet li Farrugia se jibda x-xogħol il-ġdid tiegħu fl-1 ta’ Awwissu wara li jirtira l-Kap Eżekuttiv kurrenti Mario Galea.

Iċ-Chairperson ta’ Malta Enterprise William Wait qal li s-snin ta’ esperjenza ta’ Farrugia fit-tim tal-Prim Ministru se jgħinu lill-korporazzjoni tibni fuq is-suċċessi tagħha.

Wait qal li l-karattru enerġetiku ta’ Farrugia, il-focus tiegħu fuq niches futuri, u l-esperjenza fil-qasam tal-komunikazzjoni se jkomplu jibnu fuq il-kapaċità interna tal-korporazzjoni biex tgħin lin-negozji.

Mario Galea se jkun il-Konsulent Prinċipali għal Farrugia. Wait qal li jinsabu kuntenti li Malta Enterprise se tibqa’ tgawdi mis-servizzi ta’ Galea.

Matthew Carbone se jilħaq flok Farrugia – il-Gvern

Fi stqarrija separata, il-Gvern qal li l-Kap tal-Komunikazzjoni l-ġdid se jkun Matthew Carbone mill-1 ta’ Awwissu 2019.

Nigel Vella se jkun id-deputat Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern.

Il-Gvern qal li Matthew Carbone ilu jservi bħala Deputat Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern sa mill-2013 wara karriera fil-ġurnaliżmu. Hu gradwat fil-Komunikazzjoni mill-Università ta’ Malta.

Intqal li Nigel Vella ilu jservi fl-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Gvern bħala kelliem għall-Gvern sa minn Lulju 2017. Hu ilu jaħdem fil-qasam tal-komunikazzjoni sa mill-2012. Hu gradwat fl-Istorja mill-Università ta’ Malta.

Min hu Kurt Farrugia?

Malta Enterprise bgħatet ukoll bijografika ta’ Farrugia mal-istqarrija tagħha.

Qalet li Farrugia ġie appuntat bħala l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern u bħala l-Kelliem għall-Prim Ministru fl-2013.

F’Awwissu tal-2017, Farrugia ġie appuntant mill-Prim Ministru fuq il-Malta-UK Business Promotion Task Force. F’April tal-2019, ġie appuntat fuq il-Kumitat tan-New Economic Niches fi ħdan Malta Enterprise.

Farrugia kien parti mit-Task Force li organizza l-Valletta Summit dwar l-Immigrazzjoni, l- Commonwealth Head of Governments Meeting tal-2015, u l-Informal European Council waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fi Frar tal-2017.

Farrugia kien iggradwa fil-komunikazzjoin u bħalissa qed jagħmel Masters Degree fl-Entrepreneurship fl-Università ta’ Malta.