Kurt Farrugia ħati li gideb fuq Giovanna Debono

Read in English.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia ġie ordnat mill-Qorti biex iħallas €5,000 f’danni lill-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono wara li nstab ħati ta’ libell.

L-eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono kienet fetħet il-kawża fis-16 ta’ April 2008. Dak iż-żmien, Farrugia kien l-editur tal-portal onlajn maltastar.com. Hu ppubblika l-artiklu Bitterly bitten Nadur families fight back, claim “abuse of power by Giovanna Debono. L-artiklu ġie ppubblikat fis-7 ta’ April tal-2008.

Fl-artiklu tiegħu, Farrugia kien allega li waqt xi jiem li fihom Debono kienet Aġent Prim Ministru, hi użat il-poter tagħha f’każ ta’ esproprjazzjoni ta’ biċċa art.

Aġent Prim Ministru ma jistax jiddeċiedi dwar l-esproprjazzjoni tal-art. Dan jinvolvi process twil u jaqa’ taħt il-kappa tal-ministru li jkun qed imexxi l-Awtorità tal-Artijiet. Farrugia qal li l-artiklu tiegħu kien “value judgement” u li kien kumment ġust (fair comment).

Fil-Qorti Debono qalet li l-esproprjazzjoni kienet f’idejn ministeru ieħor u li ġiet iffirmata mill-President. Żiedet tgħid li fil-perjodu li kienet l-Aġent Prim Ministru ma kelliex x’taqsam ma’ dan. Qalet li ma kienx hemm rabta bejn il-poter li kellha mal-avviż tal-esproprjazzjoni.

Fil-Qorti Kurt Farrugia qal li ma vverifikax l-istorja. Qal li sab żewġ avviżi fil-gazzetta tal-gvern – waħda dwar l-esproprjazzjoni u oħra li Debono kienet l-Aġent Prim Ministru. Farrugia qal li ma kienx jaf x’jinvolvi process ta’ esproprjazzjoni. Farrugia bbaża l-artiklu tiegħu fuq allegazzjonijiet ta’ koppja min-Nadur.

Il-Qorti sabet li l-proġett ta’ esproprjazzjoni kien beda taħt amministrazzjoni Laburista fl-1984. Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li d-deċiżjoni ta’ esproprjazzjoni ttieħdet fl-interess ġenerali u mhux biex jibbenefika xi grupp ta’ nies.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella sabet li l-artiklu ta’ Farrugia kien libelluż u ġie ordnat iħallas €5,000 f’danni.

L-eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia kien ġie appuntat bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise. Postu ħadu Matthew Carbone li wkoll kien qed iservi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.