Kurdi jakkużaw lit-Turkija li qed tispara fuqhom

Forzi militari Kurdi fis-Sirja akkużaw lit-Turkija li qed tispara fuqhom u li bbumbardjatilhom taqsimiet qrib Kobane, fit-tramuntana tas-Sirja.
It-Turkija, li qalet li se tinvestiga l-akkuża, daħlet fil-ġlied dan l-aħħar wara l-attakk tal-Istat Iżlamiku li ħalla iktar minn 30 żagħżugħ u żagħżugħa mejta.
Bdiet attakki mill-ajru għalkemm sostniet li s’issa m’għandha ebda ħsieb li tattakka mill-art.
Il-BBC qalet li jekk l-akkuża tal-Kurdi hi veru, se tikkumplika l-affarijiet hekk kif il-forzi ta’ koalizzjoni qed jaħdmu mal-Kurdi bit-tama li jegħlbu lill-Istat Iżlamiku.
Sadattant, in-NATO se tiltaqa’ għada fi Brussell, fuq talba tat-Turkija, biex tiddiskuti l-ħidma militari kontra l-Istat Iżlamiku.