Kurċifiss bil-ġakketta

Mhux ta’ xi valur artistiku kbir. Ma tantx sewa flus biex sar, u l-awtur tiegħu mhux se jibqa’ jissemma’. Imma huwa kurċifiss ‘imlibbes’ bil-ġakketta ta’ immigrant mhux magħruf li għereq barra l-kosta tal-Libja. U dan kien biżżejjed għall-Papa Franġisku biex idendlu f’bini uffiċjali fil-Vatikan.

“Hi l-inġustizzja,” qal Franġisku f’Diċembru li għadda, “li qed iġġiegħel ħafna immigranti jħallu arthom. L-inġustizzja li qed iġġegħelhom jaqsmu d-deżerti u jsofru l-abbużi u t-torturi f’kampijiet ta’ detenzjoni. L-inġustizzja li qed tkeċċihom u ġġegħelhom imutu fil-baħar.”

Franġisku kompla jgħid, “Kif nistgħu nibqgħu għaddejjin bħal dak is-saċerdot u l-Levita tal-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, u nkunu responsabbli għall-mewt tagħhom? Li ma tagħmel xejn huwa dnub! Jeħtieġ ngħinuhom u nsalvawhom għax aħna lkoll responsabbli għall-ħajja tal-proxxmu tagħna. Il-Mulej se jitlobna kont ta’ dan fil-mument tal-ġudizzju tagħna.”Il-Papa kien kommoss hu u jitkellem. Kien qed jilqa’ 33 immigrant mill-gżira ta’ Lesbos, inklużi 14-il persuna taħt l-età. Il-maġġoranza tal-immigranti ma kinux Insara. Fil-kamp ta’ detenzjoni minn fejn telqu jinsabu 14,000 immigrant mill-Afganistan, is-Sirja, l-Iraq u l-Afrika, l-aktar mis-Somalja. L-iffullar qed joħloq problemi sanitarji, mard u skumditajiet oħra, speċjalment għan-nisa u t-tfal.

Is-salib bil-ġakketta hu magħmul mir-reżina. Jirrappreżenta l-esperjenza spiritwali tal-voluntiera u jfakkar li hu dmirna lkoll li nsalvaw kull ħajja umana, dmir morali ta’ kulħadd, jemmen jew ma jemminx. Is-salib hu trasparenti (għax jisfidana nħarsu b’attenzjoni akbar u nfittxu dejjem il-verità) u jleqq (għax iqawwi l-fidi tagħna fil-Qawmien). Isfel nett hemm il-logo ta’ “Mediterranea”, li hi NGO impenjata fis-salvataġġ fil-Mediterran u li offriet is-salib lill-Papa.

“Kif nistgħu ma nisimgħux l-għajta ddisprata ta’ tant ħutna rġiel u nisa li jkollhom jiffaċċaw baħar imqalleb minflok imutu bil-mod fil-kampijiet ta’ detenzjoni fil-Libja, li huma postijiet ta’ tortura u skjavitù li ma jixraqx lill-bniedem? Kif nistgħu nibqgħu indifferenti quddiem l-abbużi u l-vjolenzi li qed isofru dawn il-vittmi innoċenti u nħalluhom f’idejn traffikanti bla skrupli?”

Il-Papa temm jgħid, “Il-problema mhux se nsolvuha billi nagħlqu l-portijiet. Irridu nimpenjaw ruħna bis-serjetà biex niżvujtaw il-kampijiet ta’ detenzjoni fil-Libja, u fl-istess ħin nivvalutaw u nattwaw is-soluzzjonijiet kollha possibbli.”

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Ara l-magazine hawn