​“Kura terapewtika tgħin lill-familji jgħixu aħjar” – il-President

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca saqħet dwar l-“effetti pożittivi” li tħalli l-kura terapewtika li tipprevjeni ċerti problemi li jistgħu jinqalgħu fil-familji, partikolarment dawk bit-tfal.
Hija qalet dan meta għalqet konferenza bit-tema “Ir-Relazzjonijiet tal-Koppja fis-Seklu 21”, li matulha kkwotat diversi riċerki li juru l-kumplessitajiet fir-relazzjonijiet fil-koppji tal-lum.
Semmiet il-politika dwar it-“Trobbijia Pożittiva tal-Ġenituri” li qed tithejja mill-Ministeru għall-Familja, li qalet għandha twassal għal għajxien aħjar tal-familji Maltin.
Coleiro-Preca aċċennat għal riċerki oħra li juru li problemi fir-relazzjonijiet, jikkontribwixxu b’mod dirett għall-faqar fis-saħħa mentali.
Kompliet tgħid li l-faqar u l-prekarjat huma fatturi oħta li jwasslu għal dipressjoni u stress żejjed fir-relazzjonijiet, li fl-aħħar mill-aħħar jolqtu l-familji u soċjetajiet sħaħ.
Ikkwotat riċerka oħra li saret f’Malta u li tindika li sa persuna minn kull erbgħa, isostnu li għandhom stress żejjed minħabba r-relazzjoni li jinsabu fiha, u li turi wkoll li l-każijiet ta’ separazzjoni miż-żwieġ qed jiżdiedu.
Il-President Coleiro-Preca qalet li parti minn dan huwa dovut għall-mentalità differenti, u għalhekk qed tisħaq dwar l-importanza ta’ politika ġdida li tirrifletti l-bidliet fil-kunċett ta’ mħabba, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, u r-rwoli tal-koppji fid-diversitajiet tagħhom.