Kura immedjata fil-mument li l-aktar ikollok bżonnha

Il-psikjatra Dr Mark Xuereb qal li s-slogan tal-crisis team li jmexxi huwa “kura immedjata fil-mument li l-aktar ikollok bżonnha”.

Ma’ Newsbook.com.mt Dr Xuereb spjega li jmexxi l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ waqt kriżijiet 24 siegħa kuljum.

Dr Xuereb qal li t-tim għandu linja tat-telefon (99339966) kif ukoll imejl (crisismalta@gmail.com). Spjega li dawn kollha huma għodda biex titqajjem aktar kuxjenza u titneħħa l-istigma.

It-tim għandu wkoll paġna fuq Facebook li tista’ ssibha hawn.

Dr Xuereb qal li t-telefonati jitwieġbu mill-ewwel u li s-servizz ta’ konsultazzjoni huwa b’xejn.

Qal li t-tim ta’ voluntiera li jwieġbu t-telefon huma kollha professjonisti.

Fl-2017,  Dr Mark Xuereb kien qal li minkejja li r-realtà hi li fis-soċjetà jeżisti l-ibbuljar, l-abbuż sesswali u fiżiku u familji mkissra, il-verità hi li hemm nies oħra li jridu jgħinu u s-suwiċidju mhu qatt is-soluzzjoni.

Dr Xuereb kien qal ukoll li waqt l-aħħar elezzjoni ġenerali “x-xogħol għall-crisis team kien kbir”.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.