Kunu preżenti għall-proxxmu – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-akbar rigal li wieħed jista’ jagħti fi żmien il-Milied huwa li jkun preżenti fil-ħajja tal-proxxmu.
Huwa qal li minflok ma nkunu wisq ambizzjużi, għandna naraw min għandu bżonn il-preżenza tagħna fid-djar residenzjali u l-carers li jieħdu ħsieb ħaddieħor mingħajr ma jqisu dak li jaqbel lilhom.
Il-Milied mhux leġġenda, qal l-Arċisqof, imma avveniment reali li, jekk tneħħilu x-xinxilli, huwa messaġġ ta’ tama kbira.
L-Arċisqof qal dan meta kien qed jitkellem fl-aħħar edizzjoni din is-sena tal-programm Follow Up fuq RTK 103FM li kellu t-tema ‘Milied ta’ veru jew biċ-ċajt?’
Meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet minn Fr Joe Borg, l-Arċisqof qal li din is-sena l-Kurja se torganizza ikla għal 400 ruħ li huma waħedhom. Sostna li din l-ikla mhix maħsuba biss għal foqra fis-sens materjali imma wkoll ta' dawk li jħossu l-bżonn li jfittxu kumpanija.
Ir-Ragħaj Spiritwali tal-Maltin qal li l-ispirtu veru tal-Milied jagħraf id-dinjità veru ta’ kull bniedem, inkluż ta’ min hu fid-dnub, għax għandu ċ-ċans tas-Salvazzjoni. Huwa qal li l-ispirtu veru tal-Milied huwa messaġġ ta’ tama li jħeġġeġ lil bnedmin ta’ rieda tajba biex jibżgħu għal xulxin. Huwa sellem ukoll lill-missjunarji kollha Maltin madwar id-dinja għax-xogħol ta’ fejda li qed jagħmlu.
‘Kemm int tifel sabiħ’
Follow Up wera wkoll l-istorja ta’ Quiven, tifel ta’ tliet snin li tilef għajnejh minħabba l-kanċer. L-Arċisqof, li ltaqa’ wkoll ma' Quiven, qal li quddiem it-tbatija tal-innoċenti, hemm biss is-skiet. Huwa qal li meta sar jaf il-ġenituri ta’ Quiven kif ukoll lit-tifel stess, kellhom rakkont dwar żjara li għamlu f'Lourdes.
Dawn, flimkien mas-saċerdot li kien qed imexxi l-pellegrinaġġ, marru fil-grotta kmieni filgħodu u s-saċerdot għollieh lejn il-grotta. Quiven kien għadu rieqed. Meta qam qal lil ommu: ‘Ma, rajt lill-Madonna. Qaltli “Kemm  int tifel sabiħ” ‘ Quddiem dan, qal l-Arċisqof, wieħed jibqa' bla kliem.
Għeruq Lhud
Irrefera wkoll għall-kontroversja li qamet dan l-aħħar dwar is-simbolu tal-kandelabru Lhudi, il-Menorah, li jissimbolizza l-festa tad-dawl Ħannuka, mal-Presepju. Qal li fl-aħħar mill-aħħar dawn it-tnejn għandhom għeruq Lhud u wieħed għandu jagħraf l-għaqda aktar milli jiffoka fuq id-distinzjoni.