“Kunu onesti, uru dinjità, kunu attivi fis-soċjetà” – L-Isqof lill-gradwati

Read in English.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi saħaq li ħajja ta’ suċċess tinbena fuq is-sisien sodi ta’ valuri bħall-onestà, id-dinjità u sehem attiv fis-soċjetà.

Fl-omelija f’jum il-Gradwazzjoni fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, Mons. Galea Curmi appella lill-gradwati friski biex jieqfu u jirriflettu bis-serjetà dwar dawn is-sisien sodi. Appellalhom biex jibnu ħajjithom fuq il-blat mhux fuq ir-ramel biex ikollhom tassew ħajja ta’ suċċess.

“Il-ħażin hu ħażin mhux għax tinqabad tagħmlu”

L-Isqof ħeġġeġ lill-gradwati biex jagħrfu jaqdu b’onestà sħiħa r-responsabbiltajiet  li jkollhom fil-professjoni tagħhom u biex il-kriterju ewlieni fl-għażliet li jagħmlu jkun li jfittxu dejjem dak li hu sewwa u xieraq. “Is-suċċess f’għajnejn Alla mhux kemm tagħmlu flus fil-professjoni tagħkom, imma kemm tagħmlu ġid”, żied jgħid Mons. Galea Curmi. Saħaq li s-soċjetà Maltija teħtieġ nies li jaħdmu b’onestà u li jirrifjutaw li jitmexxew mir-regħba. Fisser li “l-ħażin hu ħażin mhux għax tinqabad tagħmlu, jew għax xi ħadd f’daqqa waħda jikxfek, imma għax hu ħażin fih innifsu”.

“Tħarsux lejn in-nies qishom numri jew oġġetti”

L-Isqof Awżiljarju stqarr li jkun qed jibni fuq il-blat min jagħraf jgħix il-professjoni b’rispett sħiħ lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull persuna u b’sens kbir ta’ servizz.  Insista li tagħmel differenza meta persuna fil-professjoni tagħha tipprova tgħinek bis-serjetà għax tistmak ta’ bniedem. “Il-ġentilezza mhix sinjal ta’ dgħufija imma sinjal ta’ dinjità u ta’ umanità”, kompla jgħid.

Fil-qadi tal-professjoni tagħkom, tħarsux lejn in-nies qishom kienu numri jew oġġetti – imma ħarsu lejhom bħala xbieha ta’Alla. Kull persuna hi għażiża irrispettivament mir-razza, il-lewn jew ir-reliġjon.

“Ġibu bidla għall-aħjar”

It-tielet valur li jsemmi l-Isqof Galea Curmi, bħala pedament għall-ħajja suċċess, huwa s-sehem attiv fis-soċjetà. “Jalla tagħrfu tużaw it-talenti tagħkom bi kreattività għall-ġid tas-soċjetà… Użaw l-enerġija taż-żgħożija tagħkom biex iġġibu bidla għall-aħjar”, ħeġġiġhom l-Isqof.  Semma fost l-oħrajn il-qasam tal-ħarsien tal-ambjent mill-qerda.

Preżenti għall-Quddiesa tal-lum kien hemm studenti mill-Fakultajiet tal-Arti, l-Edukazzjoni, l-Inġinerija, tal-Liġi, Xjenza, Teknoloġija tal-Informazzjoni u Komunikazzjoni, Midja u Xjenza tal-Għarfien, Tisħiħ tas-Soċjetà u tat-Teoloġija.