“Kunu nies ta’ talb, fidi u xhieda” – Il-Papa lill-Arċisqfijiet ġodda

“Agħlmu t-talb billi titolbu, xandru l-fidi billi temmnu, kunu xhieda b’ħajjitkom.” Dan kien il-messaġġ li l-Papa Franġisku wassal lill-Arċisqfijiet il-ġodda waqt quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan li matulha tagħhom il-pallium.
Waqt l-omelija, il-Papa fakkar lill-Arċisqfijiet, fosthom lill-Arċisqof Charles Scicluna li kien preżenti, li l-pallium, magħmul mis-suf tan-ngħaġ, huwa simbolu li għandu jfakkar lill-Arċisqof fil-missjoni li għandu biex jerfa’ fuq spallejh lin-ngħaġ, il-poplu t’Alla, l-istess kif jagħmel ir-ragħaj.
Franġisku żied jgħidilhom li l-Knisja tistenna li huma jkunu nies ta’ talb, “u għal dawk li huma fil-bżonn intom tistgħu tkunu anġli u messaġġiera tal-karità.”
Bħal San Pietru u San Pawl, il-Papa ħeġġiġhom biex ikunu nies ta’ fidi li jnisslu t-tama fost dawk li huma persegwitati minħabba l-fidi.
Fl-aħħarnett, bħall-appostli martri, talabhom biex ikunu xhieda. Żied jgħidilhom li l-istil tal-ħajja tagħhom għandha taqbel max-xhieda li huma fid-dmir li jwasslu. Saħaq li llum aktar minn qatt qabel, il-Knisja għandha bżonn “xhieda kuraġġużi li ma jistħux mal-isem ta’ Ġesù u s-salib tiegħu.”
Din is-sena l-Papa ma libbisx il-pallium hu lill-Isqfijiet biex issa jitlibbes lill-Arċisqfijiet fid-Djoċesijiet tagħhom min-Nunzju Appostoliku.