‘Kunu mberkin, ħudu ħsieb xulxin;’ kliem vittma tal-Covid-19 lil familtu

“Kunu mberkin, ħudu ħsieb xulxin, jien tajjeb , hawn qed jieħdu ħsiebi.”

Hekk kien jgħid Pawlu Cauchi lil ħafna għeżież tiegħu fil-jiem qabel ma tilef ħajtu b’riżultat tal-pandemija tal-Covid-19.

Pawlu, li kellu 90 sena, kien id-29 vittma tal-pandemija f’Malta, u f’tislima li kitbet fuq Facebook in-neputija tiegħu Janice Barbara Gatt ftakritu bħala raġel kburi bil-familja kbira tiegħu.

Kien raġel devot għal martu Tereża, li ħa ħsieb tagħha wara li naqsilha d-dawl. U wara mewtha, minkejja l-età avvanzata, baqgħa jgħix ġo daru ‘biex ma jkun ta’ piż fuq ħadd, skont in-neputija tiegħu.

Pawlu kellu sebat itfal, kien ‘nannu kburi’ ta’ 16 u bużnannu ta’ 14. Janice fakkret ukoll li kien magħha fi żmien diffiċli ħafna f’ħajjitha: meta binha Juan tilef il-battalja mal-kanċer fl-2012, fl-età ta’ 14.

“Kellu familja kbira li kien iħobb u jħobbuh lura, kien rispettat mill-ġirien għax ċajtier ma’ kull min jiltaqa’,” qalet Janice.

B’hekk faċli timmaġina li ma kinitx ħaġa faċli li jiġi mċaħħad milli jara l-għeżież tiegħu fit-18-il jum li għamel fl-isptar minħabba l-marda tal-Covid-19. Minkejja dan, però, jidher li għamel minn kollox biex il-familjari ma jinkwetawx fi żmien tant diffiċli għalih.

Pawlu miet nhar il-ġimgħa, u jum wara mewtu, grupp ta’ attivisti xegħlu numru ta’ fjakkoli madwar l-Isptar Mater Dei b’tislima lill-anzjani li tilfu ħajjithom b’riżultat tal-pandemija.

L-attivisti insistew li t-tbatija tal-anzjani u tal-qraba tagħhom ma kellhiex tiġi miċħuda billi jintesa’ l-fatt li kull mewt li ġrat minħabba l-Covid-19 kienet waħda prematura, tkun xi tkun l-età tal-vittma.