Kunu lesti għall-aħħar laqgħa mal-Mulej – Il-Papa Franġisku

Impressjoni artistika tal-qaddejja jistennew il-wasla lura ta' sidhom

F’riflessjoni li għamel dwar l-Evanġelju tal-Ħadd li għadda, il-Papa Franġisku stieden lil kulħadd biex ikun lest għall-aħħar laqgħa mal-Mulej, hekk kif Kristu sejħilna biex inkunu lesti u “nixgħelu d-dawl” filwaqt li nistennew l-aħħar laqgħa mal-Mulej.

Fl-Evanġelju partikolari Ġesù qal lill-Appostli “żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula”. Il-Papa qal li dan ifakkru f’dak il-pellegrin lest li jitlaq għall-vjaġġ. Dan ifisser li wieħed m’għandux jagħmel l-għeruq f’post li jħossu komdu u sigur, imma jerħi lilu nnisu jafda fir-rieda ta’ Alla li jmexxina sal-post li jmiss.

Meta jfakkarna biex nixegħlu d-dawl, Ġesù jistedinna biex “ngħixu ħajja awtentika u mimlija fidi, li kapaċi ddawwal  il-ħafna ‘iljieli’ tal-ħajja”. “Id-dawl tal-fidi rridu nsostnuh kontinwament fil-laqgħa tagħna ma’ Kristu fit-talb u billi nisimgħu l-Kelma tiegħu. Il-fidi tiftaħ qalb il-bniedem għal ġaru u twassalna għal għaqda sħiħa ma’ ħutna, speċjalment dawk fil-bżonn”, kompla l-Papa.

Kunu viġilanti

Fl-Evanġelju ta’ San Luqa Ġesù jiddeskrivi lill-qaddejja jistennew il-wasla lura ta’ sidhom, bħala eżempju ta’ min dejjem ikun viġilanti u preparat. “Hemm bżonn li aħna nkunu lesti għal-laqgħa aħħarija mal-Mulej,” żied jgħid il-Papa. “Imbierka dawk il-qaddejja li sidhom isibhom lesti meta jasal lura”. B’dan il-kliem “il-Mulej ifakkarna li l-ħajja hi vjaġġ lejn l-eternità. Kull mument isir prezzjuż, għalhekk f’din id-dinja rridu ngħixu naġixxu b’għatx għall-Ġenna f’qalbna”, qal il-Papa.

Ferħ etern

“Jekk ngħixu skont l-Evanġelju u l-Kmandamenti ta’ Alla, Hu jħallina naqsmu fil-ferħ etern tiegħu,” qal Papa Franġisku. “Għalkemm ma nistgħux nifhmu x’se jkun dan il-ferħ, Ġesù joffrilna d-dehra ta’ dak is-sinjur li jsib il-qaddejja lesti u għadhom imqajjma, meta jirritorna u jġiegħlhom joqgħodu mal-mejda u jservihom hu.  Bħallikieku fil-Ġenna kollox isir bil-maqlub. Ma nkunux aħna l-qaddejja li nservu lil Alla, imma Alla jpoġġi lilu nnifsu għas-servizz tagħna,” kompla l-Papa.

Il-ħsieb tal-aħħar laqgħa tagħna ma’ Alla għandu jimlina bit-tama u jistimulana biex nimpenjaw ruħna kontinwament biex insiru qaddisin u nibnu dinja aktar ġusta u fraterna, temm jgħid Papa Franġiskju.