Kunu dixxipli missjunarji – stedina tal-Papa lill-Kattoliċi Tajlandiżi

Il-Papa Franġisku jiċċelebra Quddiesa fil-beraħ f-istadium ta' Bangkok

Il-Papa Franġisku stieden lill-Kattoliċi Tajlandiżi biex ikunu dixxipli missjunarji ta’ Kristu u jimxu fuq il-passi tal-ewwel missjunarji li marru fil-pajjiż. Dan għandu jgħinhom biex, jiltaqgħu, jiskopru u jagħrfu bil-ferħ dawk l-uċuħ tal-ommijiet, missirijiet u aħwa li l-Mulej jixtieq jistieden għall-mejda tiegħu.

Il-Papa ċċelebra l-ewwel quddiesa fil-pubbliku fit-Tajlandha l-bieraħ wara nofsinhar fl-istadju nazzjonali ta’ Bangkok li ma kienx biżżejjed biex jilqa’ lil dawk kollha li attendew.

Fl-Omelija li għamel bl-Ispanjol, il-Papa rrifletta fuq il-messaġġ tal-Evanġelju f’jum it-tifkira tal-Preżentazzjoni tal-Verġni Marija u fisser xi jfisser id-dixxipulat missjunarju. Fl-Evanġelju ta’ San Mattew, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kulmin jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-sema, hu ħija, oħti jew ommi”.

Ferħ kbir

Il-Papa Franġisku qal li l-Evanġelju hu mimli b’mistoqsijiet li jġeddu ħajjitna u dik tal-komunitajiet tagħna b’ferħ kbir. B’risposta għall-Kelma t’Alla, l-ewwel missjunarji fit-Tajlandja irrealizzaw li huma parti minn familja ferm akbar minn dawk bażati fuq xi kultura, reġjun jew grupp.

Imsaħħa bil-qawwa tal-Ispirtu, b’bagalji mimlija tama li tiġi mill-aħbar it-tajba tal-Evanġelju, marru jfittxu lill-membri tal-familja li kienu għadhom ma jafuhomx. Li ma kenitx għal dik il-laqgħa, il-Kristjaneżmu ma kienx jasal fit-Tajlandja, qal il-Papa lill-Kattoliċi Tajlandiżi.

Dixxipli missjunarji

Iż-żjara tal-Papa Franġisku fit-Tajlandja qed tfakkar it-350 anniversarju mit-twaqqif tal-Vikarjat Apsotoliku fi Siam, fl-1669, li jimmarka formalment il-bidu tal-Knisja Kattolika f’dan il-pajjiż Asjatiku. It-tema ta’ din iż-żjara hi: “Dixxipli ta’ Kristu, Dixxipli Missjunarji”.

Għall-Papa, dixxiplu missjunarju mhux xi merċenarju tal-fidi jew xi wieħed li jipproduċi l-konverżjonijiet, imma tallab umli li jħoss in-nuqqas ta’ ħutu li magħhom jixtieq jaqsam ir-rigal tar-rikonċiljazzjoni li Ġesù jagħti lilna lkoll.

Mistiedna għall-Mejda

Huwa qal li l-isforzi kollha tal-Knisja għall-Evanġeliżazzjjoni insibuhom fil-Parabbola tal-Festa tat-Tieġ fejn il-Mulej jornda li għat-tieġ ikunu mistiedna kemm jista’jkun nies mit-triq.

Bid-dawl tat-tama, it-350 anniversarju għandu jgħinha biex nimxu ‘l quddiem bil-ferħ biex naqsmu flimkien il-ħajja ġdida li tiġi mill-Evanġelju, mal-membri kollha tal-familja li għadna ma nafuhomx.

Bħala dixxipli missjunarji tal-Mulej, qed nagħżlu li nkunu parti ħajja tal-familja tal-Mulej billi naqsmu mal-oħrajn kif għamel Hu. Hu kiel mal-midinbin u assigurahom li huma wkoll kellhom post fil-Mejda tal-Missier u l-mejda ta’ din id-dinja.  Hu mess lil dawk li kienu meqjusa li m’humiex nodfa u billi ħalla lilhom imissuh, għenhom iħossu li huma qrib ta’ Alla u jifhmu li huma mbierka.

Familja waħda

Hawnhekk il-Papa Franġisku firex ħarstu fuq it-tfal, nisa vittmi tal-prostitutzzjoni u traffikar uman, żgħażagħ maqbuda fil-vizzju tad-droga, oħrajn li m’għandhomx sens f’ħajjithom u jħossuhom f’dipressjoni u l-ħolm tagħhom imkisser, fl-emigranti mċaħħda minn darhom u l-familja tagħhom u ħafna oħrajn li jħossuhom orfni u abbandunati, sajjieda esplojtati u tallaba.

“Dawn kollha”, qal il-Papa, “huma parti mill-familja tagħna, dawn ommijietna u ħutna subien u bniet”. Hu appella biex il-komunitajiet jaraw dawn l-uċuħ, il-feriti tagħhom, it-tbissima u l-ħajja tagħhom u jgħinuhom jesperjenzaw il-balzmu ħanin tal-imħabba t’Alla li jfejjaq il-feriti u l-weġgħat tagħhom. Dixxiplu missjunarju, qal il-Papa, hu dak li jiftaħ il-bibien biex iħoss u jaqsam mal-oħrajn it-tgħannieqa ta’ Alla l-Missier, mimlija ħniena  li tfejjaq u li tagħmilna lkoll familja waħda.

Fi tmiem l-Omelija tiegħu l-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-Kattoliċi Tajlandiżi biex “jimxu fuq il-passi tal-ewwel missjunarji biex jiltaqgħu, jiskopru u jagħrfu bil-ferħ l-uċuħ ta’ dawk kollha li l-Mulej irid jagħtina u li sal-lum huma assenti mill-Mejda tal-Ħadd.