“Kunu barka għas-soċjetà Maltija” – l-Isqof Grech lill-priġjunieri

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech appella lill-priġjunieri sabiex jużaw iż-żmien li jgħaddu fil-Faċilita’ Korrettiva bħala opportunità għalihom sabiex ikunu barka għas-soċjetà Maltija. Huwa għadda dan il-messaġġ f’omelija lill-ħabsin waqt quddiesa li saret fil-Kappella tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-Isqof Mario Grech saħaq dwar l-importanza li l-bniedem ikun konvint mill-verità t’Alla għax din twassal biex tingħeleb in-nuqqas ta’ kuntentezza u tinħeles minn dik ir-rabja lejn persuni oħra, lejn l-istituzzjonijiet u lejn is-soċjetà in ġenerali. Kien hawnhekk li appella gar-riforma u t-tiġdid mhux biss tal-individwi iżda wkoll tas-soċjetà sħiħa.

Huwa spjega kif anka jekk persuna ikollha l-moviment ristrett jew limitat, xorta waħda wieħed tista’ tkun ħielsa f’qalbha. L-Isqof Grech ammetta li huwa faċli għal bniedem li jiddubita mill-imħabba t’Alla, partikolarment jekk il-passat ta’ persuna ikun iddominat minn xi żbalji. Kompla jgħid li filwaqt li ħafna drabi għas-soċjetà l-foqra huma ta’ min iwarrabhom mis-saqajn, għal Alla dawn huma l-mimmi t’għajnejh.

L-Isqof t’Għawdex qal li dan mhux għax Alla japprova l-imġiba ħażina tal-bniedem, imma għax jaf li l-imħabba tiegħu hija mediċina li tfejjaq.

Huwa ħeġġeġ sabiex fid-dawl tal-verità li ġejja minn Alla, kulħadd jikseb viżjoni ġdida tal-ħajja.