Kuntratturi jitolbu ħlas bil-quddiem mhux miftiehem, u Infrastructure Malta tħallas

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ikkritika lil Infrastructure Malta wara li din ħallset tlett kuntratturi kważi €9 miljuni bil-quddiem qabel ma ġie ċċertifikat xogħol li jagħmlu, minkejja kuntratt li jispeċifika li ħlas bil-quddiem m’għandux isir.

Dawn il-ħlasijiet ħarġu mill-aħħar rapport annwali tal-NAO dwar il-kontijiet pubbliċi, li jkopri s-sena 2019, u huma relatati għal tender dwar il-bini u l-kisi mill-ġdid ta’ toroq residenzjali.

Dan it-tender, li kellu valur totali ta €63.22 miljun, inqasam f’ħames sezzjonijiet u x-xogħol ġie mogħti lil tlett kuntratturi differenti. Id-dokument tat-tender jispeċifika li mhux se jkun hemm l-ebda “pre-financing.”

Minkejja dan, it-tlett kuntratturi talbu €1 miljun kull wieħed qabel ma jiġi ċertifikat l-ebda xogħol, u IM iddeċidiet li tħallashom.

Sal-aħħar tal-2019, Infrastructure Malta ħallset €16 miljun lit-tlett kuntratturi, għalkemm kien iċċertifikat biss xogħol b’valur ta’ €7.17 miljun. B’hekk €8.83 miljuni tħallsu mingħajr ċertifikazzjoni.

Infrastructure Malta ikkonfermat verbalment li ma kellhiex riżorsi biex tiċċertifika x-xogħol fil-ħin, u nsistiet ukoll – minkejja l-kundizzjonijiet imniżżla fit-tender – li dawn il-ħlasijiet saru biex jiżguraw li l-kuntratturi jkollhom biżżejjed cash flow biex joperaw.

B’hekk l-NAO insistiet li IM għandha żżomm mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt u tad-dokument tat-tender, u li tiżgura li jkollha biżżejjed riżorsi biex tiċċertifika x-xogħlijiet fil-ħin.

Fir-risposta tagħha, IM qalet li tirrikonoxxi li għandha nuqqas ta’ periti, u li għamlet sejħa biex timpjega periti ġodda.

Aċċettat ukoll li l-kundizzjonijiet tal-kuntratt jeskludu ħlasijiet bil-quddiem. Però qalet li minkejja li ma kienx hemm ċertifikazzjoni uffiċjali, xorta waħda kkonfermat mal-periti responsabbli għall-proġett li x-xogħlijiet rikjesti kienu qed isiru. Insistiet li l-valur tax-xogħlijiet li kienu saru kien akbar mill-ammonti li ħallset lill-kuntratturi.