Kuntrattur jisraq €175,000; 4 snin ħabs

Kuntrattur li llum għandu 60 sena ntbagħat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li fl-2006 seraq Lm75,000 (€174,702) mingħand żewġ negozjanti. Huwa ġie ordnat li jirritorna dawn il-flus.

Fil-Qorti r-raġel ġie akkużat li rċieva offerta mingħand żewġ negozjanti fuq propjetà fil-Ħamrun, iżda dan il-ftehim qatt ma mmaterjalizza wara li n-negozjanti tilfu l-interess minħabba diversi kumplikazzjonijiet li kien hemm.

Min-naħa tiegħu huwa offrielhom dar u żewġt iħwienet f’Tas-Sliema u dawn għamlu depożitu ta’ Lm25,000 (€58,234). Il-kuntrattur reġa’ avviċina lin-negozjanti biex jagħmlu konvenju fuq biċċa art f’Bengħajsa u ħallew depożitu ta’ Lm35,000 (€81,527).  Madankollu wara li għamlu l-konvenju saru jafu li din l-art kienet fil-mira tal-Gvern għall-esproprjazzjoni. Ta’ dawn irnexxielhom jieħdu l-flus lura.

Wara dan kollu r-raġel reġa’ kkonvinċa lill-bejjiegħa biex jagħmlu konvenju fuq biċċa art f’Birżebbuġa magħrufa bħala ‘Tal-Gas’. Huma ħallsu Lm75,000 (€174,702) f’depożitu madankollu l-konvenju qatt ma sar.  Xi żmien wara n-negozjanti saru jafu li r-raġel kien uża Lm25,000 (€58,234) biex iħallas parti minn dgħajsa. Meta raw dan id-dewmien l-irġiel iddeċidew li jagħmlu rapport lill-Pulizija u r-raġel tressaq il-Qorti u wieġeb li mhux ħati.

Wara li rat l-evidenza kollha kif ukoll il-passat tar-raġel il-Qorti sabet lir-raġel ħati u kkundannatu għall-erba’ snin ħabs kif ukoll li jħallas lura s-somma ta’ Lm75,000 (€174,702) lin-negozjanti.